Wara l-maltemp  ………………

Wara l-maltemp jiġi l-bnazzi. Mhux biss. Huwa ukoll il-ħin biex nieħdu ħsieb il-ħsarat li saru mill-maltemp.

Iktar minn hekk hu żmien ukoll biex nidentifikaw in-nuqqasijiet li wasslu għal dawn il-ħsarat u nirrimedjawhom.

Waħda mill-problemi l-kbar li mhiex mogħtija attenzjoni biżżejjed hi dwar x’qiegħed jiġri mill-ilma tax-xita.

Hawn wisq binjiet bla bjar jew bi bjar żgħar wisq biex fihom jinġabar l-ilma tax-xita.

Il-konsegwenza ta’ dan, kif nafu, hi ta’ ħafna ilmijiet fit-toroq u ta’ drenaġġ ifur waqt maltempati bħal ta’ din il-gimgħa.

Kif għidt repetutament ir-responsabbiltà għal dan kollu hi ta’ tlieta: ta’ min jiżviluppa l-bini u ma jipprovdix bjar jew bjar kif meħtieġ, tal-Awtorità tal-Ippjanar li ma tivverifikax biżżejjed li qed jinbena bini mingħajr bjar inkella bi bjar żgħar kif ukoll tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li toħroġ permessi biex bini jitqabbad mas-sistema tad-drenaġġ mingħajr ma tagħmel il-verifika meħtieġ dwar l-eżistenza ta’ bjar.

Kulħadd irid jerfa’ ir-responsabbiltà tiegħu.