L-inkompetenza, ħsara biss tagħmel

L-impjant f’Ħal-Far għall-ipproċessar tal-fdalijiet tat-tonn kellu l-potenzjal li jagħti kontribut sostanzjali għall-iżvilupp tal-ekonomija ċirkulari f’Malta. Bħal ħafna affarijiet oħra l-inkompetenza qerditu.

Fuq il-karta kien proġett tal-ogħla kwalità. Fil-prattika, s’issa, qed jiżviluppa f’diżastru ieħor.  Biċċiet ta’ informazzjoni li qed tasal għandi qed tindika li probabbilment ser jirriżulta li x-xeħħa fil-fondi allokati biex ikun ikkummissjonat l-apparat istallat fl-impjant, hi l-kawża ewlenija tad-diżastru li qed jiżviluppa.

Bħala riżultat ta’ dan kollu irnexxielhom jittrasformaw pass pożittiv f’esperjenza negattiva għal kulħadd. L-impatt ta’ dan kollu ser jibqa’ magħna għal żmien mhux żgħir għax riżultat ta’ dak li ġara qed tissaħħaħ l-isfiduċja fl-awtoritajiet li għal darb’oħra ġie ippruvat li mhumiex kapaċi li jwasslu proġett tajjeb biex jagħti r-riżultat mixtieq.

Għal darb’oħra l-inkonvenjent hu fuq Birżebbuġa, kif ilu jiġri s-snin riżultat ta’ attività industrijali oħra fiż-żona. L-assalt fuq Birżebbuġa tul is-snin ħalla impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.  Fuq quddiem nett f’dan ir-rigward hemm it-Terminal tal-Port Ħieles, li hu ta’ inkonvenjent 24 siegħa kull jum. Huwa biss dan l-aħħar li dan l-inkonvenjent beda jiġi indirizzat.

Qiesu dan mhux biżżejjed, fiż-żona industrijali ta’ Ħal-Far, f’data mhux il-bogħod ser ikollna ukoll trakka tal-karozzi li ser tkun iffinanzjata mill-fondi li nġabru mill-bejgħ tal-passaporti! Iktar impatt fuq ir-residenti ta’ Birżebbuġa!

L-aktar attakk riċenti fuq il-kwalità tal-ħajja f’Birżebbuġa qed isir mill-attività ta’ Aquaculture Resources Ltd f’dawn l-aħħar ġimgħat. Dan riżultat tal-irwejjaħ ta’ ħut u drenaġġ ifur fiż-żoni residenzjali.  It-tmexxija tal-kumpanija Aquaculture Resources Ltd kontinwament irrifjutat li terfa’ r-responsabbiltà għall-irwejjaħ tal-ħut u d-drenaġġ ifur għax, qalet, li qed tieħu l-passi kollha meħtieġa fl-impjant tagħha f’Ħal-Far.  

Il-binja li fiha illum hemm l-impjant għall-iproċessar ta’ prodotti tat-tonn kien approvat permezz ta’ applikazzjoni li ma tieħux ħin u dan riżultat ta’ emendi għar-regolamenti tal-ippjanar magħrufa bħala proċeduri tad-DNO (Development Notification Order). Fil-prattika dan elimina l-konsultazzjoni pubblika fil-kaz ta’ xogħolijiet ta’ kostruzzjoni f’żoni industrijali. Riżultat ta’ hekk ħadd ma kien jaf li nhar is-16 ta’ Marzu 2021, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permess ta’ żvilupp bir-referenza DN01359/20 għall-binja tal-impjant fuq il-Plot 36B fiż-żona Industrijali ta’ Ħal-Far. Il-permess ħareġ f’isem Dr Charlon Gouder, CEO ta’ Aquaculture Resources Limited.

Il-konsultazzjoni pubblika bdiet biss f’Ġunju 2022, ftit wara l-elezzjoni ġenerali. Dan seħħ permezz ta’ dokumentazzjoni dwar il-proċess li jwassal għal permess ambjentali magħruf bħala applikazzjioni IPPC. L-ittri IPPC jfissru Integrated Pollution Prevention and Control u l-proċess hu regolat b’direttiva tal-Unjoni Ewropeja li ġġib dan l-isem u li ilha parti mill-liġi Maltija sa minn meta Malta issieħbet fl-Unjoni fl-2004.

Id-Direttiva IPPC hi intenzjonata biex ikun assigurat li l-impatti ambjentali ta’ numru ta’ proċessi industrijali jkunu indirizzati b’mod integrat. L-impjant tal-prodotti tat-tonn hu soġġett għal din id-Direttiva.

Riżultat ta’ hekk hu meħtieġ il-presentazzjoni ta’ dokumentazzjoni dettaljata teknika li permezz tagħha jkun ċar dwar kif ser issir il-ħidma industrijali, dwar l-impatti ambjentali riżultanti kif ukoll dwar kif inhu ippjanat li dawn ikunu indirizzati.

Din id-dokumentazzjoni ġiet ippreżentata u wara li kienet eżaminata mill-ERA ħareġ il-permess għall-impjant biex jipproċessa l-fdalijiet tat-tonn.

Il-problemi bdew kif beda jopera l-impjant hekk kif beda l-proċess biex l-apparat istallat ikun ikkummissjonat. Jiena infurmat li d-ditta li mingħandha inxtara l-apparat ma ntalbitx biex tieħu ħsieb ukoll li dan ikun ikkummissjonat. Mid-dehra dawk li ġew inkarigati ma tantx kellhom esperjenza f’dan ix-xogħol, kif jidher, wara kollox mir-riżultati miksuba.  

Forsi l-ERA tiftaħ investigazzjoni biex ikun stabilit mhux biss x’ġara imma ukoll min kien responsabbli. Għax hu essenzjali li jkun assigurat li kull min kien involut, inkluż l-ERA, jitgħallem minn din l-esperjenza. Din hi froġa li nħolqot mis-settur privat minkejja li kien qed jaħdem taħt is-superviżjoni tal-ERA! Anke proġett tajjeb irnexxielhom b’inkompetenza kbira jeqirduh!

Ippubblikat fuq Illum: 18 ta’ Diċembru 2022