It-taħwida l-kbira dwar l-abort

Id-diskussjoni li qed tiżviluppa dwar l-abort hi taħwida waħda kbira. Taħwida li sfortunatament qed jikkontribwixxu għaliha kemm il-Knisja kif ukoll il-Partit Nazzjonalista.

L-abbozz ta’ liġi li ressaq il-Gvern hu dwar kif u meta, b’mod eċċeżżjonali, jista’ jkun hemm intervent mediku biex tintemm tqala. It-tmiem ta’ tqala hu definittivament abort: imma l-proposta hi dwar il-każijiet eċċezzjonali meta dan jista’ jsir u mhux kif qed jiġi kontinwament implikat b’mod malizzjuz.

Fir-realtà, anke dawk li qed jippontifikaw kontra l-abort qed jaċċettaw li hemm ċirkustanzi fejn dan hu permissibli. Id-dibattitu rejali għalhekk hu dwar liema huma dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom abort hu ġustifikat.

Il-Gvern qed jargumenta li apparti meta l-ħajja tal-mara tqila tkun fil-periklu jista’ jkun meħtieġ intervent meta is-saħħa tal-mara tqila tkun fil-periklu: is-saħħa hi ikkunsidrata fit-totalità tagħha jiġifieri tinkludi ukoll is-saħħa mentali. Dan hu tajjeb.

Ir-raġuni għall-inklużjoni fil-proposta tal-Gvern tad-deterjorament tas-saħħa tal-mara tqila bħala raġuni għat-tmiem ta’ tqala hi li m’għandekx toqgħod tistenna sakemm is-saħħa tkun ideterjorat tant li dan iwassal biex tpoġġi anke l-ħajja tal-mara f’periklu.

Il-kontro-argument għal dan kollu hu li dan jista’ jwassal għal abbuż.  Hu argumentat li l-parametri mfassla mill-Gvern huma wisgħin wisq u jistgħu jagħtu lok għal abbuż. Irridu nirrikonoxxu li dan hu dejjem possibli li jsir anke jekk dan ma naħsibx li hu intenzjonat.

Dan kollu għandu jwassal biex niddiskutu bi ftit iktar serjetà dwar x’miżuri għandhom jittieħdu biex ikun evitat dan il-possibli abbuż.

Wieħed mill-argumenti fid-discussion paper dwar il-proposta tal-Gvern li ġiet ippubblikata minn grupp ta’ akkademiċi hu li d-deċiżjoni dwar jekk għandux isir intervent biex tintemm tqala m’għandiex tittieħed minn persuna waħda iżda minn numru ta’ speċjalisti mediċi flimkien. Din il-proposta tista’ tkun soluzzjoni biex biha jkun hemm kontroll adegwat li bih ikun assigurat li ma jkunx hemm abbuż. Proposta li fil-fatt nisslet kummenti favorevoli mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne huwa u jressaq il-liġi fil-Parlament nhar it-Tnejn li għaddew.

Hemm bżonn ftit iktar serjetà fid-diskussjoni. Sfortunatament din hi nieqsa bil-kbir. Il-proposta tal-Gvern hi tajba: jeħtieġ iżda li jkun assigurat li d-dettalji tagħha jassiguraw li tista’ titħaddem b’mod li ma jsirux abbużi.

Din hi id-diskussjoni reali li għandna bżonn! Sfortunatament hi nieqsa.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s