Proposta nejja tal-Labour dwar l-abort

Nhar it-Tnejn, il-Parlament approva fl-istadju tal-ewwel qari, l-abbozz ta’ liġi numru 28. Dan l-abbozz hu intenzjonat biex jikkjarifika l-provedimenti tal-Kodiċi Kriminali dwar l-abort terrapewtiku. B’mod speċifiku l-għanijiet u r-raġunijiet tal-abbozz huma biex “jipprovdu kjarifika dwar il-parametri fil-Kodiċi Kriminali li għandhom japplikaw għal cirkostanzi ta’ neċessità fejn ikun meħtieġ intervent mediku biex tkun protetta l-ħajja u s-saħħa ta’ mara tqila li tkun qiegħda tbati minn kumplikazzjoni medika.”

Uħud jikkunsidraw li l-abbozz numru 28 hu pass żgħir il-quddiem f’pajjiż li kontinwament ipprova jevita li jiddibatti l-abort. Sfortunatament, imma, l-proposta li ġiet ippreżentata hi waħda nejja.  

Wara snin jevita dibattitu nazzjonali, kien ikun ferm iktar għaqli għall-Gvern li jippubblika White Paper fejn jispjega b’mod ċar u dettaljat dak li jrid jagħmel dwar l-abort kif ukoll dwar dak kollu relatat miegħu. Tajjeb li nirrealizzaw li l-leġislazzjoni dwar l-abort tal-pajjiż ma hi tal-ebda siwi. Wara li ġiet injorata għal 160 sena l-liġi teħtieġ li tkun aġġornata għaż-żminijiet u li tkun tirrifletti l-avvanzi fix-xjenza u l-mediċina tul dawn is-snin kollha. Hemm bżonn li tinkiteb mill-ġdid u dan fid-dawl tal-fatt li tul dawn l-aħħar għaxar sninil-pajjiż ħaddan il-plurliżmu etiku.

Hu ċar li l-Gvern qed jipprova jindirizza l-impatt politiku li rriżulta mill-kaz riċenti tat-turista Amerikana Andrea Prudente, f’liema każ Malta naqset milli tipprovdi l-kura medika li kienet mistennija.

M’għandniex ħtieġa ta’ proposta rejattiva, proposta nejja: imma għandna bżonn proposta li tindirizza ir-realtà tas-seklu wieħed u għoxrin.  L-abort hu parti integrali mill-ħajja Maltija, rridu jew ma irridux! L-indikazzjonijiet huma ta’ medja ta’ 400 abort li jsiru kull sena fost il-Maltin. Il-parti l-kbira jseħħu bl-użu ta’ pilloli li jinkisbu bil-posta.  Oħrajn iseħħu f’pajjiżi oħra, primarjament fir-Renju Unit kif jidher fir-rapporti mediċi annwali ippubblikati.

Il-Partit Laburista jidher li hu xott mill-ideat għax naqas ukoll milli jindirizza l-abort fil-manifest elettorali tiegħu għall-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2022.

Dan it-tkaxkir tas-saqajn mill-Partit Laburista jikkuntrasta mal-proposti tal-partit immexxi minni li tul ix-xhur li għaddew ippreżentajna proposti diversi biex apparti iktar ċarezza fil-liġi nimxu lejn id-dikriminalizzazzjoni kif ukoll lejn l-introduzzjoni speċifika tal-abort limitat għal tlett ċirkustanzi partikolari u straordinarji. Il-proposta tagħna hi li l-abort ikun permissibli meta l-ħajja jew is-saħħa tal-mara tqila tkun mhedda, fil-kaz ta’ tqala li isseħħ riżultat ta’ vjolenza (stupru u incest) kif ukoll fil-kaz ta’ tqala li ma tkunx vijabbli.

Uħud jikkunsidraw li dak proposta hu ftit wisq, oħrajn li hu wisq. Fil-fehma tagħna il-proposta hi addattata għaċ-ċirkustanzi partikolari lokali. Hi proposta li mhux biss hi ferm aħjar mill-proposta nejja tal-Gvern, imma twassal ukoll biex il-liġi tkun aġġornata għal dak mistenni fi żmienna!

Hemm ukoll materji oħra li huma relatati u li jeħtieġ li jkunu diskussi. Matul din il-ġimgħa grupp ta’ akkademiċi lokali u oħrajn ippubblikaw dokument għad-diskussjoni in konnessjoni mal-proposta tal-Gvern dwar l-abort.

Il-proposti fid-dokument ippubblikat għad-diskussjoni jfittxu li jissikkaw id-definizzjonijiet dwar iċ-ċirkustanzi li fihom ikun ġġustifikat l-intervent mediku biex ikun possibli li tkun protetta l-ħajja u s-saħħa tal-mara tqila. Jeskludi ukoll kull xorta ta’ abort.

Il-punti mqajjma f’dan id-dokument hu dejjem utlili li jkunu diskussi. Għalhekk ilna ngħidu li hemm ħtieġa għal diskussjoni pubblika matura, diskussjoni li l-Gvern ilu żmien jevita.  Imma nistenna ukoll li jkun hemm akkademiċi oħra b’veduti u opinjonijiet differenti li anke huma jsemmgħu leħinhom. Għandhom bżonn joħorġu mill-friża.

Irridu nħarsu lil hinn mill-proposti restrittivi li dan id-dokument għad-diskussjoni jippreżenta. Sa mill-2011, meta kien approvat ir-referendum dwar id-divorzju, Malta għażlet it-triq tal-pluraliżmu etiku: rispett lejn il-pluralità ta’ opinjonijiet u valuri etiċi. Id-dokument li qed nirreferi għalih hu negazzjoni ta’ dan u effettivament hu proposta biex naqbdu triq oħra u differenti. Għandna nirreżistu dan l-attentat.

Fl-aħħar għandu jkun ċar li din mhiex diskussjoni dwar x’inhu tajjeb jew ħażin imma dwar min għandu jieħu d-deċiżjoni kif ukoll dwar il-parametri li jiddeterminaw kif u safejn nistgħu naġixxu. M’aħniex qed ngħixu f’teokrazija: hu dritt li naffermaw illi hu possibli li jeżistu veduti u valuri differenti.

B’hekk beda d-dibattitu li ilu żmien maħnuq.

Ippubblikat fuq Illum: 27 ta’ Novembru 2022

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s