Kif jidher fis-silta ta’ hawn fuq mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista ta’ Marzu 2022, ġejna mwegħda regoli iktar stretti fejn jidħol żvilupp f’ODZ.
Il-proposti għal amnestija oħra għal żvilupp ODZ li sar qabel l-2016 juri kemm anke f’din ma hemm l-ebda serjetà. Moħħhom biss biex jgħaddu ż-żmien bin-nies.
Għalfejn isiru il-liġijiet u r-regolamenti jekk kontinwament naraw kif isiru l-eċċezzjonijiet u nippruvaw niġġustifikaw lil min ma jimxix magħhom?
Permezz ta’ din l-amnestija ġdida li tiġġustifika l-abbużi fl-ODZ għal darboħra l-Gvern qiegħed jippremja lil min abbuża u qiegħed ikompli jittrasforma lill-Awtorità tal-Ippjanar f’aġent għall-abbużi, fejn jekk tħallas multa sostanzjali tista’ tiġġustifika l-abbużi tal-iżvilupp.
Il-Labour għal darboħra wiegħed ħaġa u qiegħed jagħmel oħra: kompletament bil-maqlub. Il-Partit Laburista għadu ħiereġ minn elezzjoni ġenerali li fiha kellu manifest elettorali li fih wiegħed illi se jassigura illi ż-żona barra mill-linja tal-iżvilupp (l-ODZ) tkun imħarsa iktar minn qatt qabel. Minflok, bil-proposti li qiegħed jagħmel illum il-ġurnata qed iħares lil min jabbuża, sakemm dak li jkun ikun lest li jħallas. Il-Labour fil-Gvern qed ikun konsistenti, konsistenti fil-mod illi fil-qasam ambjentali jimxi bil-maqlub ta’ kif wiegħed. Din l-amnestija tkompli fuq l-ewwel amnestija favur l-abbużi fil-qasam tal-ippjanar sitt snin ilu.
Il-Partit Laburista fil-Gvern qed jagħti l-messaġġ li fil-qasam tal-ippjanar tista’ tħawwad għax b’xi mod jew ieħor fl-aħħar tirranġa, basta tħallas. Mal-Labour, bil-flus tirranġa.
L-iskema l-ġdida qegħda testendi l-amnestija li kienet ħarġet fl-2016 billi tinkludi ukoll żvilupp li jinstab barra miż-żona tal-iżvilupp. Din l-iskema titkellem primarjament dwar żvilupp parzjali bla permess fl-ODZ.
Din l-amnestija hi insult lil min għażel li jimxi sewwa u josserva l-liġi u r-regolamenti u jimxi mal-kundizzjonijiet tal-permess ta’ żvilupp. L-amnestija hi dikjarazzjoni ta’ falliment fil-qasam tal-infurzar. In-numru ta’ każijiet kompla jikber, sena wara l-oħra, għax l-Awtorità tal-Ippjanar ma kinitx kapaċi tinforza l-liġi quddiem min kien lest li jisfidaha.
Kultant l-Awtorità tal-Ippjanar tagħmel show biex taparsi qed tagħmel xogħolha. Pero wara din il-faċċata tat-teatrin ma hemm xejn, ma hemm l-ebda serjetà.
Lil min sfida u għamel ta’ rasu qed jgħidulu: issa ħallas multa u qisu qatt ma kien xejn!
Minflok dawn l-amnestiji biex tiġġustifika l-iżvilupp ta’ art ODZ ikun iktar għaqli kienu l-Gvern jibda l-proċess biex art ODZ li fl-2006 saret tajba għal-iżvilupp ma tibqax żviluppabbli. Ilna s-snin issa nitkellmu dwar reviżjoni tal-pjani lokali. Saru anke laqgħat ta’ konsultazzjoni pubblika dwar dan imma s’issa għadu ma immaterjalizza xejn.
Il-Partit Laburista fil-Gvern qed jagħmel minn kollox biex jiġġustifika żvilupp abbużiv barra miż-żona tal-iżvilupp. L-inqas ħaġa li konna nistennew f’dan il-mument hi amnestija li tiġġustifika iktar l-abbużi ta’ żvilupp tal-art. L-amnestija qed tippremja lil min abbuża u fl-istess ħin qed tikkastiga lil min mexa sewwa. Hi fuq kollox dikjarazzjoni ta’ falliment fl-amministrazzjoni pubblika biex tinforza l-liġi. Tagħti messaġġ wieħed inkwetanti: għamel li trid għax mal-Labour tirranġa!
Wara dan kollu, dawn ma jistħux jitkellmu fuq is-saltna tad-dritt!
(dan hu rapport ta’ dak li ntqal f’konferenza stampa dalgħodu quddiem l-uffiċini tal-Awtorità tal-Ippjanar il-Floriana minn Carmel Cacopardo u Ralph Cassar)
ara ukoll rapporti kif gej:
Times of Malta: With Labour, money talks: Government slammed for ODZ amnesty scheme
Malta Today : Money Talks with Labour: Greens slam Government for ODZ abuse amnesties
Malta Independent: With Labour, money talks – ADPD
Newsbook: Bil-flus mal-Labour tirranga – ADPD
TVM : L-ADPD jgħid li l-estensjoni ta’ skema f’żoni barra mill-iżvilupp tista’ twassal għall-abbużi