Neħtieġu paga minima suriet in-nies

Hemm min iqis li huwa tajjeb li nħoloq mod ġdid ta’ għajnuna lill-vulnerabbli fil-konfront tal-piz fuqhom tal-inflazzjoni. Imma jkun ferm aħjar kieku nindirizzaw il-problema vera bis-serjetà. Il-Gvernijiet wieħed wara l-ieħor ilhom jonqsu milli jagħmlu dan.

Il-paga minima hi baxxa. Mhiex tajba biex tgħix biha. Teħtieġ li tgħola b’madwar €4,000 fis-sena kif ġie muri repetutament fir-rapporti tal-Caritas, sena wara l-oħra.

Sakemm il-pagi jibqgħu daqshekk baxxi jibqa’ l-ħtieġa tal-għotjiet mill-Gvern ta’ kull sena lil dak u lill-ieħor. Ir-ras iebsa tal-Gvern li ma jirrevedix il-baskett li fuqu hija ikkalkulata il-paga minima hija politika skaduta li qed iżżomm dipendenza tal-pajjiz fuq pagi baxxi u handouts.

Hu dritt li l-pagi jkunu ta’ livell diċenti. Dritt li hu mkasbar mill-Gvernijiet, wieħed wara l-ieħor. Pagi diċenti jnaqqsu l-ħtieġa ta’ politika ta’ Father Christmas. Ma nibqgħux nistennewh jiġi jqassam ir-rigali fil-budget!

Il-Gvern jista’ jagħmel użu aħjar tar-riżorsi tal-pajjiż. Is-sussidji kif qed japplikom il-Gvern jistgħu jkunu ferm aħjar.

Is-sussidji tal-fuel lill-kulħadd hu ħela ta’ riżorsi. Nistgħu ngħaddu mingħajr sussidji tal-petrol u tad-dijżil. Dan is-sussidju jista’ faċilment jitnaqqas u dan iwassal għal benefiċċju kbir: inqas karozzi fit-toroq u użu ikbar tat-trasport pubbliku! Li t-trasport pubbliku issa hu b’xejn mhux biżżejjed. Jeħtieg ukoll li jkun effiċjenti, li mhux.

Bla dubju, l-konsum bażiku tal-elettriku għad-djar, għandu jibqa’ jkun issussidjat imma l-bqija tas-sussidji għall-elettriku u l-fuels għandhom ikunu studjati aħjar.  Hemm modi aħjar kif il-Gvern jista’ jnaqqas il-piż minn fuq spallejn in-nies. U fl-aħħar ikollu iktar riżorsi għall-ħtiġijiet tal-pajjiz.