In-negozjant tal-ikel Tork u sieħbu fin-negozju  

Il-mostru ta’ bini li approvat l-Awtorità tal-Ippjanar u li preżentement qed jinbena ħdejn il-kappella tal-Manikata kien ikkunsidrat li hu aċċettabbli, kemm mill-arċidjoċesi ta’ Malta kif ukoll mis-sopra-intendenza tal-wirt kulturali. Kemm l-Arċisqof kif ukoll is-Sopratendent tal-Wirt Kulturali jeħtieġ li jagħmlu apoloġija pubblika għax l-ewwel oġġezzjonaw minħabba li l-bini propost mhux postu ħdejn il-kappella u mbagħad, wara, irtiraw l-oġġezzjoni tagħhom. B’dak li għamlu, t-tnejn li huma taw kontribut biex dan il-mostru jimmaterjalizza.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, l-portal elettroniku Shift News svela li Malti fin-negozju tal-ikel Tork, li f’ismu daħlet applikazzjoni ta’ żvilupp biex jinbena dan il-monstru  għandu sieħeb sieket fin-negozju: l-perit li iffirma l-applikazzjoni ta’ żvilupp. Skond ix-Shift News huwa jippossjedi 50 fil-mija tal-ishma tal-kumpanija Juke Developments Limited, il-kumpanija li qed tieħu ħsieb l-iżvilupp.

Mhux aċċettabbli li l-perit ikun ukoll żviluppatur.  Din hi imġieba ħażina li qed titfa’ dell ikrah fuq il-professjoni kollha. Hi materja ta’ etika li l-Kamra tal-Periti, li hi inkarigata milli tirregola l-professjoni, tevita kontinwament milli tesprimi ruħha u tieħu posizzjoni dwarha.

Madwar sentejn ilu, f’artiklu fuq Illum intitolat Il-perit-żviluppatur (8 ta’ Marzu 2020) kont ġbidt l-attenzjoni li l-perit inkarigat mill-proġett tal-Ħamrun, li fl-istadji inizzjali tiegħu kien wassal għall-mewt ta’ Miriam Pace, kien jippossjedi 10 fil-mija tal-ishma tal-kumpanija li kienet qed tieħu ħsieb l-iżvilupp.

Il-Kodiċi dwar l-Imġieba Professjonali għall-periti fil-gżejjer Maltin jipprovdi li  Perit f’Malta “ma għandux jokkupa, jassumi jew xjentement jaċċetta kariga li fiha l-interess tiegħu jkun kontra d-dmirijiet professjonali tiegħu.”

Il-punt hu jekk id-doveri professjonali ta’ perit inkarigat minn żvilupp humiex f’kunflitt ma li tkun ukoll, fl-istess ħin “l-żviluppatur”. Il-perit inkarigat minn lant tax-xogħol huwa ultimament responsabbli  għal dak li jseħħ fuq il-lant  avolja illum ġieli jkun assistit minn xi site officer, li imma rari jkun fuq il-lant! L-iskop tal-żviluppatur, min-naħa l-oħra, kif jgħidu, hu li jdawwar lira: hu interessat li jimmassimizza l-profitti mill-iżvilupp tal-art.

Il-Kodiċi dwar l-Imġieba Professjonali li semmejt iktar il-fuq jemfasizza li l-perit “jirċievi rimunerazzjoni biss bid-drittijiet professjonali tiegħu li jitħallsu mill-klijenti tiegħu u/jew bis-salarju tiegħu li jitħallas mill-prinċipal tiegħu. Hu ma jkunx jista’ jieħu rimunerazzjoni minn riżorsi oħra relattiva għax-xogħol u għad-dmirijiet fdati lilu.”   B’dan, fil-fehma tiegħi, hu ċar li perit ma jistax ikollu sehem minn profitti li jirriżultaw minn żvilupp tal-art u għaldaqstant m’għandux jaġixxi ta’ żviluppatur, la waħdu u l-anqas bi sħab ma ħaddieħor. Il-profitti mill-iżvilupp tal-art m’għandhomx ikunu l-motiv għall-ħidma professjonali tal-perit.  

Jidher li l-Kamra tal-Periti ma taqbilx ma dan għax b’mod konsistenti hi siekta dwar is-suġġett. Dan is-skiet hu inevitabilment interpretat bħala li l-Kamra tal-Periti qed taċċetta is-sitwazzjoni attwali. Mhux ta’ b’xejn, għaldaqstant li n-numru ta’ każi magħrufa ta’ periti li huma sħab fin-negozju ta’ żvilupp ta’ propjetà, imma li isimhom ma jidhirx, qiegħed jiżdied. Isimhom ma jidhirx għax huma konxji mill-kunflitt li hemm u jagħmlu ħilithom li jostru dan kollu fil-mixja tagħhom lejn sehem mill-profitti li jirriżultaw minn dan l-iżvilupp.

Bosta snin ilu, meta kont membru elett tal-Bord li jirregola l-ħruġ tal-warrant tal-periti kont ippreżentajt proposta biex dan kollu, jiġifieri ir-rwol ta’ periti li jaġixxu ta’ żviluppaturi, jkun regolat. Il-proposta tiegħi dakinnhar ma kienitx imxiet il-quddiem.

Sfortunatament, sal-lum, għad ma ittieħdet l-ebda azzjoni dwar dan kollu. Li nibqgħu ma tittieħed l-ebda azzjoni jfisser li l-qagħda preżenti tkun aċċettata bħala n-normalità. Sfortunatament dan hu konsistenti mal-valuri tas-soċjetà amorali li qed tiżviluppa madwarna.

ippubblikat fuq Illum: 28 t’Awwissu 2022

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s