Emerġenza Klimatika: l-impatt tal-karozzi u l-avjazzjoni

Temperaturi rekord, li f’ħafna każi jaqbżu l-40 grad Celsius, nirien qerrieda u nixfa f’diversi pajjiżi. Din hi l-aħbar ewlenija mal-Ewropa kollha f’dawn il-ġranet. Din il-mewġa ta’ sħana mhiex xi sorpriża.  

Rapport mill- Joint Research Station tal-Unjoni Ewropeja li kien ippubblikat iktar kmieni din il-ġimgha, intitolat  Drought in Europe July 2022, jemfasizza li parti sostanzjali mit-teritorju tal-Unjoni Ewropeja hu soġġett għal nixfa li f’numru ta’ każi ilha tinġemgħa. Din hi in-normalità l-ġdida!

Il-klima ta’ bħalissa għandha impatt negattiv fuq l-agrikultura fl-Ewropa kollha. L-uċuħ tar-raba’ ser jirrendu ferm inqas. Fl-Italja, ġara tagħna, fuq it-TV rajna  il-livell tal-ilma tax-xmara Po li hu ferm iktar baxx mis-soltu: hemm metri inqas. L-esperti qed jgħidu li l-volum preżenti tal-ilma tax-xmara hu madwar 80 fil-mija inqas mis-soltu. Nofs l-irziezet Taljani għandhom problemi kbar ikkawżati min-nixfa u t-temperaturi għoljin li qed jiffaċċaw.

Dan m’hu xejn ġdid għall-biedja f’Malta. Ilna niffaċċjaw dawn il-kundizzjonijiet. In-nuqqas tal-ilma hi xi ħaġa normali f’Malta, in-nixfa, imma, qed issir ukoll iktar spissa. Imbagħad jiġu mumenti fejn jinfetħu s-smewwiet Ii jgħarrqu kull m’hawn b’għargħar li jkaxkar kollox.

Il-klima ilha żmien tinbidel ftit ftit u dan riżultat tal-istil ta’ ħajja li qed ngħixu. In-natura ilha żmien tagħtina s-sinjali li ma nistgħux nibqgħu għaddejjin kif aħna. Imma kontinwament ninjorawha. Riżultat ta’ hekk issa għandna din l-emerġenza klimatika, li, ġibniha b’idejna.

L-emerġenza klimatika issa hi rejaltà u hi parti integrali mill-ħajja tagħna. Biex nindirizzawha irridu nibdew nagħtu kaz dak li qed tgħidilna n-natura. Hu meħtieġ  li dan kollu jkun rifless fil-politika li tħares fit-tul. Speċifikament nistennew li l-politika li ma mhiex kompatibbli ma dak meħtieġ biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima tkun indirizzata b’mod immedjat.  

Malta m’għandiex industrija li tagħti xi kontribut kbir għat-tibdil fil-klima. Il-problemi ewlenin fil-kaz tagħna ġejjin mit-trasport: mill-karozzi u mill-ajruplani.

In-numru ta’ karozzi fit-toroq għadu qed jiżdied kontinwament. Ix-xogħolijiet konnessi mat-titjib fl-infrastruttura tat-toroq qed isiru bl-iskop uniku li t-toroq ikunu jifilħu għal iktar karozzi. Dan ikompli jżid mal-problema. Il-konġestjoni tat-traffiku tonqos naħa u tiżdied band’oħra! Minkejja l-ħafna kliem sabiħ ma hemmx ir-rieda politika li l-kontribut  tal-karozzi għat-tibdil fil-klima jkun indirizzat.

Il-qalba tal-karozzi għall-elettriku, waħedha, mhux ser issolvi l-problema. L-emissjonijiet jibdew jonqsu fit-toroq u jiċċaqalqu għas-sors tal-elettriku li nużaw biex niċċarġjaw il-batteriji. L-enerġija rinovabbli li qed niġġeneraw hi ta’ kwantità insinifikanti!

Parti mill-problema nesportawha lejn Sqallija billi nużaw l-interconnector, li flok wieħed issa hu ippjanat li jkollna tnejn. B’hekk inkomplu inżidu  d-dipendenza tagħna għall-ħtiġijiet enerġetiċi.

Flimkien mal-qalba tal-karozzi għall-elettriku irid isir sforz ġenwin biex jonqsu sostanzjalment il-karozzi mit-toroq tagħna. Iċ-ċokon tal-gżejjer Maltin jagħmilha iktar possibli li nindirizzaw id-dipendenza tagħna fuq il-karozza u li din tkun sostitwita bi transport pubbliku effiċjenti. Kważi kullimkien jista’ jintlaħaq b’faċilità.

F’ Ottubru t-trasport pubbliku ser ikun b’xejn. Dan waħdu mhux biżżejjed: jinħtieġ trasport pubbliku li jkun effiċjenti.  Hu biss meta t-trasport pubbliku jkun alternattiva tajba li jkun jagħmel sens għall-gvernijiet li jibdew il-proċess biex jonqsu b’mod sostanzjali l-karozzi mit-toroq tagħna.

Biex nindirizzaw l-impatti tal-avjazzjoni l-istorja hi iktar ikkumplikata.  Id-dibattitu kurrenti dwar taxxa fuq il-fuel tal-avjazzjoni, kif diġa ġie emfasizzat, ser ikollu impatt sproporzjonat fuq il-gżejjer periferali fl-Unjoni Ewropeja. Imma l-problema hi waħda reali u teħtieġ li tkun indirizzata bla iktar dewmien.

Il-qalba tal-argument fid-diskussjoni li għaddejja hi dwar l-impatt ta’ taxxa fuq il-fuel tal-avjazzjoni fuq it-turiżmu. Mhux biss it-turiżmu lejn il-gżejjer Maltin, imma dak lejn kull rokna tal-Unjoni Ewropeja. Ilkoll kemm aħna naċċettaw il-prinċipju ambjentali bażiku li min iħammeġ jeħtieġ li jħallas (polluter pays principle) li illum il-ġurnata jifforma parti kemm mill-liġi Ewropeja kif ukoll minn dik Maltija.  Anke it-turiżmu għandu jerfa’ l-piż tal-impatti li jiġġenera, in partikolari l-impatti ambjentali tiegħu. Dak hu l-iskop tat-taxxa proposta fuq il-fuel tal-avjazzjoni.

Wasal iż-żmien li t-turiżmu ukoll jibda jirristrittura ruħu u jibda jagħti każ tal-impatti ambjentali tiegħu. Bl-emerġenza klimatika wara l-bieb ma jagħmilx sens li nibqgħu għaddejjin bit-tkaxkir tas-saqajn.

Żommu quddiem għajnejkom li l-gżejjer u l-komunitajiet mal-kosta jaqilgħu l-ikbar daqqa meta jibdew jiżdiedu l-impatti tat-tibdil fil-klima, billi jibda jgħola l-livell tal-baħar.  Xi gżejjer u uħud mill-komunitajiet mal-kosta l-anqas biss jibqgħu jeżistu.

Man-natura ma tistax tinnegozja, trid tbaxxi rasek!

ippubblikat fuq Illum: 24 ta’ Lulju 2022

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s