Għal Albert Buttiġieġ il-bieb tiegħi miftuħ

Bħalkom segwejt dak li qal Albert Buttiġieġ: li kien infurmat li uffiċjal mhux elett tal-PN, f’laqgħa ma spekulatur fl-inħawi ta’ San Ġiljan ħadha fuq spallejh li jwarrab lil Buttiġieġ u jassigura li jagħlaq ħalqu. Għax il-ħidma ġenwina tiegħu bħala Sindku ta’ San Ġiljan qed iddejjaq lil min qed ipappiha sew.

Albert Buttiġieg ma għalaqx ħalqu u għamel sewwa. Imma l-bsaten fir-roti fl-elezzjoni kienu bosta, kif spjega hu stess.

Issa tkellem l-oraklu, Ray Bezzina, l-id il-leminija ta’ George Pullicino fil-passat u ta’ Bernard Grech illum. “Mhux jien” qalilna! Talab li jkun investigat Albert Buttiġieġ biex jikxef dak li jaf.

Albert diġa qal li mhux ser jikxef l-identità ta’ min tah l-informazzjoni, u jagħmel sewwa.

Imma fuq insistenza ta’ Ray Bezzina il-PN ser jiftaħ inkjesta interna!

Il-PN qiegħed fir-rokna u jaf li ma jistax joħroġ minnha. Daħħluh fiha dawk ta’ bla skrupli, dawk li fid-deher juru wiċċ ta’qdusija, u fil-magħluq kollha konfoffi man-nies tal-flus.

Ma’ Albert tkellimt. Nifhmu. Nifhem minn xiex għaddej. Fil-ġimgħat li ġejjin il-PN ser jipprova jagħmlu kkapuljat.

Għal min hu ġenwin bħal Albert, il-bieb tiegħi miftuħ.