Kull vot jgħodd

Nhar l-Erbgħa, flimkien ma’ Ralph Cassar Segretarju Ġenerali tal-Partit, f’isem ADPD ippreżentajt kawża kostituzzjonali dwar ir-riżultat elettorali li ġie ppubblikat f’dawn il-ġranet.

is-sistema elettorali, tul is-snin, ġiet żviluppata fl-interess esklussiv  tal-PLPN, iżidu is-siġġijiet għalihom u jinjoraw lill-bqija . Għandna sistema elettorali mbagħbsa, mhux denja ta’ pajjiż demokratiku.

F’demokrazija b’saħħitha, kull vot jgħodd: il-valur tiegħu m’għandux jiġi mkasbar għal kwalunkwe raġuni. Sfortunatament, f’Malta, il-leġislazzjoni elettorali hi iddiżinjata b’mod diskriminatorja, u dan bil-kompliċità tal-Parlament. Hi sistema elettorali diskriminatorja favur il-PLPN li bejniethom ikkontrollaw lill-Parlament sa mill-1966, u jridu jibqgħu għaddejjin hekk.

Vot favur l-ADPD għandu l-istess valur daqs vot favur il-PLPN. Imma l-liġi hi diskriminatorja għax tagħti valur u piż lill-voti tal-PLPN u tinjora l-bqija tal-voti tal-Maltin u l-Għawdin.

Dan hu riżultat ta’ żewġ miżuri speċifiċi: waħda dwar il-proporzjonalità u l-oħra dwar il-bilanċ tal-ġeneru. It-tnejn jiffavorixxu lill-PLPN u huma diskriminatorji fil-konfront tagħna, it-tielet partit, kif ukoll huma diskriminatorji kontra l-partiti l-oħrajn ukoll. Id-diskriminazzjoni li qed niffaċċjaw hi parti integrali mill-liġi elettorali.

Nhar it-Tnejn 28 ta’ Marzu 2022 kien imħabbar li r-riżultat elettorali kien aġġustat billi mal-lista tal-membri parlamentari eletti żdiedu tnejn oħra mil-lista tal-kandidati ippreżentata mill-PN. Din iż-żieda saret biex ikun hemm aġġustament għall-proporzjonalità bejn il-voti miksuba mill-partiti parlamentari fl-ewwel għadd tal-voti u s-siġġijiet parlamentari miksuba.

Meta sar dan l-aġġustament ġew injorati l-voti miksuba mill-partit ADPD fl-ewwel għadd tal-voti, liema voti kienu jammonta għal 4747 vot, ammont li hu ikbar mill-kwota nazzjonali. Din id-diskriminazzjoni tiżvaluta l-proċess demokratiku u dan billi l-voti tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista qed jingħataw valur billi jittieħdu in konsiderazzjoni biex isir l-aġġustament għall-proporzjonalità filwaqt li  l-voti ta’ ADPD qed ikunu skartati kompletament.

Il-proċess elettorali hu mistenni li jkompli fil-ġranet li ġejjin u dan billi l-emendi kostituzzjonali tas-sena l-oħra jipprevedu li wara li jkun konkluż il-proċess ta’ bye-elections assoċjati mal-elezzjoni ġenerali, l-Kummissjoni Elettorali talloka mhux iktar minn tnax-il siġġu parlamentari addizzjonali, sitta lil kull naħa biex jonqos l-iżbilanċ tal-ġeneru fil-Parlament. Dan ser ikompli jżid il-problema ta’ rappresentanza parlamentari billi ser iżid ir-rappresentanza tal-partiti parlamentari u jkompli jinjora l-bqija. Il-prinċipju tal-proporzjonalità li diġa huwa applikat b’mod dgħajjaf ser ikompli jiġi mnawwar bħala riżultat ta’ dan.

Il-kawża kostituzzjonali hi dwar dan it-taħwid kollu. Qed nitolbu lill-Qorti li issib li hemm ksur ta’ diversi drittijiet  umani liema drittijiet huma mħarsa kemm mill-kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem. Hemm ukoll ksur tal-artiklu 3 tal-protokol numru 1 tal-Konvenzjoni Ewropeja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u dan dwar id-dritt ta’ elezzjonijiet ħielsa.

Qegħdin nistennew rimedju kontra d-diskriminazzjoni li seħħet diġa meta l-Partit Nazzjonalista ngħata siġġijiet Parlamentari u aħna b’mod diskriminatorju ma ngħatajniex, kif ukoll protezzjoni mid-diskriminazzjoni addizzjonali li ser isseħħ fil-ġranet li ġejjin meta jidħol fis-seħħ il-mekkaniżmu korrettorju dwar il-bilanċ tal-ġeneru.

Is-sistema elettorali Maltija mhiex isservi l-interessi tal-pajjiż imma biss tal-interessi tal-PLPN li kkapparraw ukoll l-istituzzjonijiet. Il-voti ta’ kulħadd għandhom valur u jeħtieġ li jkunu rispettati, mhux biss dawk tal-PLPN.

Inħarsu l-voti kollha.

Ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 3 t’April 2022