Bejgħ tal-passaporti u l-prinċpju ta’ lealtà fl-Unjoni Ewropea

Iktar kmieni din il-ġimgħa, l-kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-libertajiet ċivili u l-ġustizzja,  huwa u jiddiskuti rapport dwar il-bejgħ tal-passaporti (jirreferu għalihom bħala golden passports) mill-istati membri, jemfasizza li dan hu oġġezzjonabbli etikament, legalment u ekonomikament u dan apparti li dan joħloq bosta riskji għas-sigurtà.

Tul is-snin, il-Ministri, kemm f’Malta kif ukoll barra, emfasizzaw li ċ-ċittadinanza, fl-Unjoni Ewropeja, hi materja riżervata għall-istati membri. Hekk hu, imma mhux b’mod assolut. Il-prinċipju ta’ lealtà fit-trattati Ewropej ilewwen il-ħidma tal-istati membri fl-Unjoni. Anke l-oqsma li huma kompetenza nazzjonali għandhom ikunu meqjusa f’dan id-dawl.

Ħadd ma jikkontesta li ċ-ċittadinanza hi kompetenza tal-pajjiżi membri. Hekk għandu jkun. Imma meta nikkunsidraw il-bejgħ taċ-ċittadinaza hemm ħafna implikazzjonijiet oħra, ta’ gravità mhux żgħira. It-trattati tal-Unjoni Ewropeja dan jispjegawh bħala obbligu ta’ kooperazzjoni sinċiera  bejn il-pajjiżi membri, obbligu li bosta drabi huwa mfisser bħala l-prinċipju ta’ lejaltà:  lejaltà, jiġifieri bejn il-pajjiżi membri infushom.

Riċentment, l-amministrazzjoni immexxija minn Robert Abela fasslet emendi mhux żgħar għall-proċess li bih tkun akkwistata ċ-ċittadinanza b’investiment. Il-programm (Individual Investor Programme) inbidel ma skema residenzjali li eventwalment tista’ twassal għal ċittadinanza. Għalkemm l-Unjoni Ewropeja kienet infurmat b’dan it-tibdil, is-Segretarju Parlamentari responsabbli għaċ-ċittadinanza, Alex Muscat, indika li ma kien hemm l-ebda rispons mill-Kummissjoni Ewropeja.

Il-Parlament Ewropew ser jiddiskuti dan kollu fil-plenarja tiegħu tax-xahar id-dieħel.  L-abbozz tar-rapport, b’numru ndaqqas ta’ emendi, jemfasizza li l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment “hemm it-tendenza li jkunu f’dawk l-istati membri li huma l-iktar esposti għal riskji konnessi mas-segretezza finanzjarja, bħall-evażjoni tat-taxxa, l-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni.” 

Fost dawk li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija b’investiment insibu lil: Anatoly Hurgin, akkużat bi frodi, kuntrabandu u ħasil ta’ flus kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-Iżrael, Liu Zhongtian, biljunarju involut fl-aluminju, għaddej proċeduri kriminali fl-Istati Uniti dwar evażjoni  ta’ madwar żewġ biljun euro f’tariffi  Amerikani,  Boris Mints, biljunarju ieħor li qiegħed jiffaċċja akkużi dwar frodi fir-Renju Unit,  Pavel Melnikov, ukoll biljunarju li qiegħed ikun investigat fil-Finlandja dwar ħasil ta’ flus u frodi, u Mustafa Abdel-Wadood li ammetta akkuzi dwar frodi fl-Istati Uniti. Dawn ġew identifikati mill-istampa f’Malta bħala lihumafost dawk li xtraw passaport Malti. Ħadd mhu ser jeskludi li hemm iktar, għax dawn it-tip ta’ skemi huma kalamita għal dawn it-tip ta’ nies..

Dawn, u oħrajn, ħadu iċ-ċittadinanza minkejja li suppost li l-applikazzjonijiet tagħhom kienu eżaminati b’reqqa liema bħala!

Fid-dawl ta’ dan kollu l-logħob ta’ Bernard Grech li jirrifjuta li jieħu sehem fi proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-ħatra ta’ regulatur ġdid għall-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tibgħat messaġġ żbaljat. Regulatur li jkollu l-barka ta’ Bernard Grech mhux ser itejjeb l-iskema taċ-ċittadinanza.

Irrispettivament minn kemm jinbidlu r-regoli dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, din tibqa’ mhux aċċettabbli fil-prinċipju. Kif jingħad fir-rapport pendenti quddiem il-Parlament Ewropew iċ-ċittadinanza Ewropeja mhiex għall-biegħ.

Ir-rapport quddiem il-Parlament Ewropew jgħid li l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment fihom ħafna riskji u mhumiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni meħtieġa bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropeja. Fid-dawl ta’ dan għandhom jispiċċaw sa mhux iktar tard mis-sena 2025 jgħidilna ir-rapport tal-Parlament Ewropew..

Il-flus jistgħu jkun utli, jgħid Bernard Grech, kieku l-iskemi jkunu trasparenti.  Hi l-istess attitudni li l-PN fil-Gvern daħħal fis-sistema ta’ tassazzjoni meta spiċċa daħħal proposti li jinkoraġixxu l-evażjoni tat-taxxa.  

L-iskema tal-bejgħ tal-passaporti  flimkien mal-abbuż kontinwu tas-sovranità tal-pajjiż fil-qasam tat-tassazzjoni bit-tnaqqis fir-rati ta’ taxxa għal kumpaniji barranin li b’hekk ġew inkoraġġiti jevadu t-taxxi ta’ pajjiżhom huma uħud mir-raġunijiet li wassluna sal-lista l-griża. Tul dawn l-aħħar xhur imma, l-Ministru tal-Fnanzi beda jċedi u jidher li issa mexjin lejn li naċċettaw rata minima u armonizzat ta’ taxxa.

Bħala partit ilna ninsitu fuq din it-triq. Sfortunatament b’wiċċna minn quddiem nistgħu ngħidu li ghidna ċar u tond kif kienu l-affarijiet. Issa jmiss li tispiċċa l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti ukoll. M’għandniex bżonn li jkunu istituzzjonijiet barranin li jgħidulna x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Kapaċi, jekk irridu, li dan nagħmluh aħna stess. 

Huma biss membri parlamentari eletti mill-lista tal-kandidati ta’ ADPD li jistgħu jassiguraw li jsir it-tibdil kollu li hu meħtieġ. Bernard Grech u l-PN ma jistgħux ikunu is-soluzzjoni. Huma parti mill-problema.

ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 20 ta’ Frar 2022

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s