Riforma tal-Parlament

Il-Prim Ministru ilu jinki lill-opinjoni pubblika dwar meta ser ikun xolt il-Parlament kif ukoll dwar meta ser tissejjaħ l-elezzjoni ġenerali.

Imma Robert Abela kien ikkwotat jgħid ukoll li sa Ġunju 2022 ikun għadda kollox!

Kif inhuma  l-affarijiet illum, hi responsabbiltà kostituzzjonali tal-Prim Ministru dwar meta jkun xolt il- Parlament kif ukoll dwar meta tissejjaħ elezzjoni ġenerali.  Dan jagħmlu billi jagħti parir dwar dan lill-President tar-Republika.  Ħafna drabi nassumu li dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet jittieħdu fl-interess nazzjonali avolja hu ċar daqs il-kristall li hu l-interess tal-partit fil-Gvern li jiddetermina kollox: dejjem.  Miżura li ssaħħaħ il-posizzjoni tal-Gvern qabel u waqt l-elezzjoni: the power of incumbency.

Dan mhux sewwa u għandu jinbidel kif inbidlu bosta affarijiet oħra.

Il-partit li immexxi qajjem dan il-punt fis-sottomissjonijiet li għamilna quddiem il-Konvenzjoni Kostituzzjonali: konvenzjoni li, dejjem ġejja, imma qatt ma tasal!

Hu propost li t-terminu tal-Parlament ikun wieħed fiss u li l-Prim Ministru ma jkollu l-ebda diskrezzjoni dwar kif u meta dan ikun xolt.  Fil-prattika kemm l-Istati Uniti kif ukoll il-parti l-kbira tal-Ewropa kontinentali għandhom Parlament b’terminu fiss. Anke r-Renju Unit, meta kienet immexxija mill-koalizzjoni bejn il-partit Liberali u dak Konservattiv, ftit snin ilu, introduċiet leġislazzjoni għal Parlament b’terminu fiss.

F’dan il-kuntest tajjeb li jkun emfasizzat ukoll li t-terminu ta’ ħames snin għall-Parlament huwa ftit twil. Dan ma kienx dejjem hekk. Meta twaqqaf il-Parlament Malti għall-ewwel darba fl-1921, mitt sena ilu, il-ħajja tal-Parlament kienet ta’ tlett snin. Sal-lum il-ġurnata, l-Parlament Federali Awstraljan għadu jkun elett kull tlett snin. Il-Kamra tar-Rappresentanti tal-Istati Uniti min-naħa l-oħra tkun eletta kull sentejn.

X’uħud jistgħu jkunu tal-fehma li għall-Parlament, tul ta’ sentejn jew tlieta bejn elezzjoni u oħra huma ftit wisq. Għal min qiegħed fil-Gvern, ħames snin jistgħu jkun perjodu addattat. Imma għal min qiegħed fl-Opposizzjoni hu twil wisq! Tlett snin hu perjodu ferm iktar addattat.

Il-Parlament għandu ħtieġa ukoll ta’ membri li xogħolhom ikun biss dak ta’ membri tal-parlament u li ma jagħmlu xejn iktar. Hemm bżonn ukoll li n-numru ta’ membri tal-parlament jonqos għax in-numru li għandna illum hu kbir wisq.  Membru Parlamentari full-time jaqta’ għal kollox kull kuntatt ma xogħol u/jew professjoni u bħala riżultat ta’ hekk inaqqas sostanzjalment il-possibiltà ta’ kunflitt ta’ interess meta jkun f’posizzjoni li jieħu kwalunkwe deċiżjoni.

Id-daqs tal-lum tal-Parlament, jiġifieri dak ta’ 65 membru parlamentari, kien determinat bħala riżultat tal-emendi kostituzzjonali tal-1974.  Imma dan, illum il-ġurnata, sa mill-1987, mhux id-daqs definittiv għax miegħu jistgħu jiżdiedu iktar bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu kostituzzjonali tal-proporzjonalità.   Jista’ jiżdiedu iktar ukoll, bi tnax-il membru ieħor riżultat tal-miżuri kostituzzjonali ġodda dwar il-bilanċ tal-ġeneru, jekk dawn ikunu applikati.

Il-Parlament li jmiss, għaldaqstant, jista’ jkunu kbir mhux ħażin jekk jintużaw kemm il-mekkaniżmu dwar il-proporzjonalità kif ukoll dak dwar il-bilanċ tal-ġeneru. Jista’ jkun daqs li jikber sa 77 membru u possibilment anke sa 81 membru. Dan hu enormi għall-pajjiżna.

Is-sistema elettorali, li ż-żewġ partiti fil-Parlament ilhom ibgħabsu għal żmien twil, tipprovdi għal riżultat proporjonali u b’element korrettiv favur il-bilanċ bejn il-ġeneri meta fil-Parlament ikunu eletti żewġ partiti politiċi biss. Meta jkun elett it-tielet partit dawn il-mekkaniżmi kostituzzjonali dwar il-proporzjonalità u l-bilanċ tal-ġeneru ma jistgħux jaħdmu. Hemm biss eċċezzjoni waħda. Din tkun fil-kaz ta’partit politiku li jikseb iktar minn 50 fil-mija tal-voti fl-ewwel għadd fuq livell nazzjonali. Dan ikollu dejjem il-jedd li jiggverna billi jkun allokat is-siġġijiet neċessarji għal dan l-iskop.  

Hemm numru ta’ soluzzjonijiet alternattivi li kieku ġew applikati kien ikun possibli li l-Parlament tagħna jkollu bilanċ aħjar bejn il-ġeneri u proporzjonalità mingħajr ma jikber fid-daqs.  Dawn is-soluzzjonijiet, imma, ġew skartati kompletament. Dan għax ir-riforma kellha dejjem l-iskop li toħloq l-inqas tibdil possibli. Tibdil kosmetiku fl-istil tal-Gattopardo: tibdil li jħalli kollox kif kien!

Dan hu l-Parlament tagħna. Jeħtieġ li jinbidel mill-qiegħ.   

ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 13 ta’ Frar 2022