Desmond Zammit Marmara: t-triq tal-irġulija

L-artiklu ta’ Desmond Zammit Marmara fit-Times tal-bieraħ kien riflessjoni f’waqtha dwar il-Partit Laburista. Riflessjoni minn persuna li tafu u ħadmet fih għal numru ta’ snin.

Irrispettivament minn jekk naqblux jew le ma dak li kiteb Desmond Zammit Marmara, il-bniedem jistħoqlu kull rispett. Hu wieħed mill-ftit li qed jikkontribwixxi għal diskussjoni politika matura li hi nieqsa ferm f’dan l-imbierek pajjiż.

Uħud mill-kummenti li hemm online għall-artiklu ta’ Desmond Zammit Marmara, mhux biss fuq il-paġna tat-Times, imma anke fuq l-Illum fejn hemm rapport dwar l-artiklu, huma kummenti li jqażżuk. Huma rifless tar-raġunijiet għax il-pajjiż tagħna qiegħed fl-istat li hu illum.

Dawn it-tip ta’ kummenti, u bosta insulti ukoll, ma sarux biss fil-konfront ta’ Desmond. Isiru ukoll fil-konfront ta’ kull min hu kritiku ta’ dak li qed jiġri madwarna.

Li ma taqbilx ma dak li qed jgħid Desmond hu dritt, imma dan id-dritt ma jagħtikx id-dritt li tinsulta u tkasbar. Huwa biss bid-diskussjoni serja u matura li nistgħu nimxu l-quddiem. Mingħajrha lura biss nistgħu nimxu.

Jiena kelli diversi opportunitajiet li nitkellem u niddiskuti ma’ Desmond Zammit Marmara. Xi drabi fuq il-programm li kellu fuq l-RTK fejn dejjem ta’ l-ispazju għal idejat oħrajn, differenti, b’diskussjoni li tfittex li tifhem u tgħallem. Iltqajt miegħu ukoll diversi drabi fis-sala tal-għadd tal-voti meta iddiskutejt miegħu l-ktieb tiegħu fuq Pawlu Boffa, Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista.

Desmond hu persuna valida li minkejja l-insulti għażel u jibqa’ jagħżel it-triq tar-raġuni u r-riflessjoni. Hi t-triq id-diffiċli, però hi t-triq tal-irġulija.

Grazzi Desmond.