Wara r-riżenja ta’ Justyne

Issa Justyne irriżenjat għat-tieni darba mill-Kabinett ta’ Robert Abela. Il-Kabinett ta’ Abela, l-ikbar wieħed fl-istorja, naqas bi tnejn, Justyne u Rosianne.

Meta irriżenjat Rosianne ma kien daħal ħadd ġdid fil-Kabinett.

Kif diġa għidt, il-każ ta’ Justyne għadu miftuħ, mhux biss għax il-Kumitat Permanenti tal-Parlament dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika għad irid jiddiskuti r-rapport (m’għandux għaġġla) imma ukoll għax hemm riżenji oħra li jeħtieġ li jsiru.

Frank Fabri u Paul Debattista huma mistennija li jwarrbu ma jdumux. Tal-ewwel għax iffirma l-kuntratt abbużiv u illegali u tat-tieni għax kien hu li iffaċilita dan il-qerq kollu billi kiteb ir-rapport li għal xi żmien kien qed jingħad li taparsi kitbu Daniel Bogdanovic u b’hekk ikun jista’ jsir il-ħlas ta’ ħmistax-il elf euro.

Minn kif tkellem Robert Abela jidher li m’għandux għaġġla biex jaħtar Ministru flok Justyne. Dan isaħħaħ ix-xniegħa, li issa ilha ftit ġranet għaddejja, li mhux biss ġejja reshuffle tal-Kabinett dalwaqt, imma li hu ippjanat ukoll li jinbidlu diversi f’karigi mlaħħqin.

Ma ninsewx ukoll li f’Jannar, xahar ieħor, għandu jibda jinstema l-ġuri dwar il-hold-up li falla fuq l-HSBC. Intqal diġa li f’dan il-ġuri jistgħu jsiru rivelazzjonijiet dwar membru ieħor tal-Kabinett ta’ Robert Abela. Din tista’ twassal għal riżenja oħra!

Nistennew u naraw.

Il-Milied it-Tajjeb