Meta Justyne tipprova ddaħħaq

Mela Justyne daħlet il-Qorti u qegħda tattakka l-validità kostituzzjonali tal-liġi li biha qed jiġu regolati l-istandards fil-ħajja pubblika.

Din hi l-liġi li bis-saħħa tagħha ġiet investigate Justyne, u oħrajn, liema liġi s’issa wasslet għal żewġ riżenji ta’membri tal-Kabinett: Justyne u Rosianne.

Justyne qed tgħid li l-liġi toħloq proċeduri li bihom qed jinkisru d-drittijiet tagħha.

Li ma tgħidx Justyne li hi bħala membru parlamentari ivvutat favur din il-liġi. Safejn naf jien ma lissnitx kelma waħda kontra l-liġi jew xi parti tagħha.

Għidilna ftit Justyne: meta tivvota fil-Parlament, taf xi tkun qed tagħmel? Jew qed tipprova iddaħħaq?

Wara Justyne: nistennew issa r-riżenja ta’ Frank Fabri

Ir-riżenja ta’ Justyne kienet inevitabbli.

Setgħet iddum ftit ieħor taħsibha, imma kienet fir-rokna, ma kelliex minn fejn toħroġ.

Din hi t-tieni riżenja bħala riżultat tar-rapporti tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. L-oħra kienet Rosianne Cutajar!

Li tirriżenja darbtejn mill-Kabinett fi 23 xahar, kif għamlet Justyne, naħseb li hu record. Juri li l-ġudizzju ta’ Robert Abela li jagħtiha ċans ieħor kien wieħed żbaljat għall-aħħar.

Ir-riżenja ta’ Justyne mhiex il-konklużjoni. Għad hemm iktar : ir-riżenja ta’ Frank Fabri, Segretarju Permanenti li approva l-kuntratt ta’ sieħeb Justyne, Daniel Bogdanovic, issa hu iktar meħtieġa minn qatt qabel.

Fil-ġlieda għall-governanza tajba, fil-ġlieda kontra l-abbuż u l-korruzzjoni, iċ-ċivil għandu rwol importanti. Is-segretarji permanenti għandhom sehem kruċjali f’din il-ġlieda. Min minnhom jonqos li jaghti sehem mhemmx post għalih. Min jiffaċilita l-ħmieġ għandu jitwarrab minnu fih