L-aħħar diskors tal-President, f’Għawdex fl-okkazjoni ta’ Jum ir-Repubblika, juri President inkwetat għax in-nies kienu qed jgħidulu biex ma jiffirmax il-liġi, approvata mill-Parlament, dwar l-użu responsabbli tal-cannabis.
Il-President George Vella, inkwetat, wieġeb, korrettement, li hu m’għandux dan il-poter li ma jiffirmax liġi approvata mill-Parlament. Għax hu l-Parlament li għandu l-poter demokratiku. Jekk il-President għax tniggżu l-kuxjenza ma jridx jiffirma, ikollu jwarrab, u jiffirma l-President li jilħaq ftit siegħat warajh.
Id-diffikultà, naħseb jien, hi li għal dawn l-aħħar snin qed ikollna President li jparla ħafna. President li qed jikkummenta fuq diversi materji ta’ kontroversja. Hu inevitabbli allura li jekk il-Presidenza tibqa’ tgħaddi l-kummenti ser tibqa’ l-pressjoni fuqha biex taġixxi mod u mhux mod ieħor.
Tajjeb li il-President tar-Repubblika jkun iktar minn timbru.
Fil-fatt fil-proċess konsultattiv dwar ir-riforma Kostituzzjonali, Alternattiva Demokratika, illum ADPD, ippreżentat proposti prattiċi dwar kif u f’liema ċirkustanzi l-President jista’ ma jiffirmax liġi u jibgħatha lura għand il-Parlament biex dan jikkunsidrha mill-ġdid.
Għax il-President tar-Repubblika m’għandux ikun timbru għal dak li jagħmel jew irid jagħmel il-Gvern.
Id-dokument li nirreferi għalih dwar ir-riforma kostituzzjonali tista’ tarawh hawn.