Il-politika dwar id-droga, sal-lum falliet.
Il-partit li immexxi hu l-uniku li kellu l-kuraġġ li f’elezzjoni ġenerali jitkellem ċar dwar dan.
Fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 għidna hekk fil-Manifest Elettorali: “Wasal iż-żmien li l-użu tal-kannabis tkun aċċettata mil-liġi. Għandu jkun possibli li l-kannabis tinxtara, taħt kontrolli adegwati, minn ħwienet liċenzjati apposta għal dan l-iskop kif ukoll li din tkun soġġett għall-istess tassazzjoni bħas-sigaretti u t-tabakk. Ir-restrizzjonijiet li japplikaw għar-riklamar tat-tabakk għandhom japplikaw ukoll għal kannabis. Għandu jkun possibbli ukoll li persuna tkabbar il-pjanta għall-użu personali tagħha. Il-kannabis tagħmel inqas ħsara mit-tabakk u mill-alkoħol li t-tnejn huma legali. Ma jagħmilx sens li nibqgħu naħlu r-riżorsi tal-pajjiż niġru wara min juża l-kannabis li għandha effetti komparabbli għall-użu tat-tabakk u l-alkoħol. Hu iktar utli li r-riżorsi tal-pulizija jintużaw biex jinqabdu t-traffikanti ta’ drogi qawwija u perikolużi.
Il-liġi li l-Parlament għadu kif approva timxi f’din id-direzzjoni.
Kont nippreferi lil-Gvern mexa b’iktar rispett lejn l-opinjoni pubblika. Kien ikun iktar floku li ippubblika l-istudji li saru. Il-konsultazzjoni, għalkemm saret, setgħet kienet ħafna aħjar.
Hemm ukoll in-nuqqas fil-liġi li ma tagħmilx biżżejjed emfasi fuq il-ħarsien tat-tfal. Id-distanza ta’ 250 metru għall-klabbs tal-Kannabis mill-iskejjel mhiex biżżejjed, per eżempju.
Issa nistennew ir-regolamenti li bihom ser tkun implimentata l-liġi.