Il-kosta tagħna lkoll: inħarsuha

Għaddej sforz kontinwu biex il-kosta tkun ikkommerċjalizzata. Sforz li ilu għaddej is-snin.

Il-jott marina proposta f’Marsaskala hi biss eżempju wieħed minn bosta li mhux limitati għan-nofsinnhar politiku, iżda li huma mifruxa mal-pajjiż.  Fost l-eżempji hemm it-Terminal tal-Port Ħieles, Manoel Island, il-Bajja tal-Balluta, ix-Xatt u l-jott marina tal-Birgu, il-jott marina fil-Kalkara u x-Xatt tal-Belt.  

Hemm ukoll għaddej il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazji pubbliċi mal-kosta, bil-bankini b’kollox.

L-art pubblika kontinwament qed tkun trasformata f’minjiera ta’ profitti privati, ħafna drabi għall-magħżulin. Il-kwalità tal-ħajja tar-residenti rari jagħtu każ tagħha, jekk mhux fl-aħħar minuta. Meta possibli jevitawha kompletament ukoll.

Għaddew madwar erba’ snin minn meta l-Parlament approva il-leġislazzjoni biex tissaħħah il-protezzjoni tal-kosta permezz tal-liġi dwar id-dimanju pubbliku. Kellna kemm-il Ministru li tkellem b’mod pompuż dwar dan. L-għaqdiet ambjentali ippreżentaw lista ta’ iktar minn għoxrin sit, mifruxa mal-kost,a li kollha kemm huma jikkwalifikaw għall-protezzjoni. Ninsab infurmat li l-għaqdiet ambjentali għamlu riċerka estensiva dwar min hu sid din l-art. Iżda sfortunatament l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tal-Ippjanar qed iżommu dan il-proċess milli jitwettaq, anke għal dawk il-każijiet fejn l-art hi kollha kemm hi propjetà pubblika.  

Għalfejn jiġu approvati dawn il-liġijiet jekk ma hemm l-ebda intenzjoni li dawn ikunu implimentati?

Nafu li wieħed mill-impatti ewlenin tat-tibdil fil-klima fuq il-gżejjer, inkluż dawk Maltin, hu bit-tibdil fl-livell tal-baħar. Numru ta’ gżejjer fl-Oċejan Paċifiku li mhumiex wisq il-fuq minn livell il-baħar diġa bdew jisparixxu taħt baħar li l-livell tiegħu qed jogħla. Robert Abela, Prim Ministru, huwa u jindirizza l-laqgħa Internazzjonali fi Glasgow dwar it-tibdil fil-klima (COP26), iktar kmieni din il-ġimgħa, emfasizza dan il-punt.

L-għoli fil-livell tal-baħar ikollu impatt sostanzjali fuq il-gżejjer Maltin, skond kemm dan ikun kbir. Jeffettwa l-infrastruttura kostali kollha: l-infrastruttura marittima, dik tat-turiżmu, tal-ilma kif ukoll l-infrastruttura tal-enerġija li huma kollha b’xi mod marbuta mal-kosta. Kemm-il darba jogħla l-livell tal-baħar dawn kollha jitħarbtu.  Anke iż-żoni residenzjali viċin tal-kosta jsofru impatti mhux żgħar.  

Ħadd ma jaf eżatt dwar kemm, kif u meta dan ser iseħħ. L-ewwelnett għax il-proċess li bih dan iseħħ għad mhux mifhum biżżejjed. Imma ukoll għax għalkemm ma nistgħux nevitawh nistgħu nnaqqsu l-impatt tiegħu billi nindirzzaw u nnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju.

Repetutatament fil-laqgħat tal-UNFCCC (United Nations Framework Convention for Climate Change) li jsiru regolarment tul is-snin, kien hemm emfasi fuq il-ħtieġa li ż-żieda fit-temperatura globali minn kif kienet fl-era pre-industrijali ma tiżdiedx b’iktar minn 1.5 gradi Celsius. Dan sar fuq insistenza tal-istati gżejjer u tal-pajjiżi sottożviluppati, għax għal snin twal il-limitu raġjonevoli kien meqjus li kien ta’ 2 gradi Celsius. Pass ieħor il-quddiem. Imma mhux biżżejjed.

F’Pariġu fl-2015 kien hemm qbil dwar dan kollu. Imma sfortunatament dan ma kienx ikkonvertit f’azzjoni. Huwa dak li issa qed nistennew li jseħħ fi Glasgow.

Huwa essenzjali li nindirizzaw it-tibdil fil-klima bis-serjetà. Anke l-ħarsien tal-kosta jiddependi minn hekk.

ippubblikat fuq Illum :il-Ħadd 7 ta’ Novembru 2021

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s