Tibdil fil-klima u l-aċċess għax-xemx

Huwa essenzjali li nnaqqsu l-gassijiet serra jekk irridu nindirizzaw b’mod effettiv it-tindil fil-klima. F’Pariġi, fl-2015, kien hemm qbil li kien meħtieġ illi t-temperatura globali ma kelliex tiżdied iktar minn 1.5 gradi Celsius biex ikun possibli li l-bidla fil-klima tkun taħt kontroll.   Tlett xhur ilu, f’Awwissu, l-Intergovernmental Panel on Climate Change tal-Ġnus Magħuda (IPCC) infurmana li ż-żieda fit-temperatura diġa qabżet il-grad Celsius, u li din qed tkompli tiżdied.  

L-impatt ta’ dan jidher fil-maltemp estrem li qed niffaċċjaw kontinwament. Bħall-għargħar fi Sqallija u l- Calabria iktar kmieni din il-ġimgħa u fil-Ġermanja u pajjiżi oħra iktar kmieni.  Il-ħerba li qed tiżviluppa hi enormi. Jekk ma nieħdux passi deċiżivi, dak li qed naraw mhu xejn ħdejn dak li ser jiġri.

Huwa kruċjali li l-ekonomija tagħna tkun waħda li ma tkunx dipendenti mill-karbonju, jekk irridu naslu biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima.

Il-qalba tal-power station ta’ Delimara minn waħda li taħdem fuq iż-żejt maħmuġ (heavy fuel oil) għal waħda li taħdem fuq il-gass kien pass tajjeb li jħares il-quddiem, pass li aħna bħala partit dejjem appoġġajna. Imma dan mhux biżżejjed. L-użu tal-gass hu fih innifsu pass ta’ transizzjoni.   Li jkollna l-parti l-kbira tal-elettriku (jew kollu!) iġġenerat minn sorsi rinovabbli jkun ħafna aħjar milli nagħmlu użu mill-idroġenu – li qed jissemma bħala l-fuel tal-futur!

Neħtieġu iżda li ntejbu is-sistema nazzjonali tad-distribuzzjoni tal-elettriku biex ikun possibli li z-zoni residenzjali jikkontribwixxu iktar fl-isforz nazzjonali biex niġġeneraw l-enerġija rinovabbli.  Investiment f’sistema ta’ distribuzzjoni iktar effiċjenti hi kruċjali. F’dan għadna lura, għax mhiex prijorità.

Id-dritt tagħna għal aċċess għax-xemx għandu jissaħħaħ. Ma jistax ikun li dan id-dritt jibqa’ dipendenti fuq proċess tal-ippjanar tal-użu tal-art insensittiv u żvilupp bl-addoċċ. Iż-żieda fl-għoli permissibli tal-bini meta kienu approvati l-pjani lokali tal-2006 wassal għal impatt negattiv f’enerġija rinovabbli li ntilfet. Hu prezz li għadna nħallsu u ser nibqgħu nħallsu għall-futur immedjat. Għax baqa’ ftit biex neħilsu minn dan il-piż.

Li ninvestu iktar fil-ġenerazzjoni tal-enerġija mix-xemx jirrendi. Huwa ukoll sostenibbli meta nħarsu fit-tul. Jelimina ukoll id-dipendenza fuq it-tieni interconnector minn Sqallija li dwaru l-Gvern qiegħed iħejji l-pjanijiet tiegħu. 

Bħalissa l-prezz tal-enerġija fl-Ewropa sploda. Dan wassal biex l-użu tal-enerġija permezz tal-interconnector eżistenti bejn Malta u Sqallija ġie ristrett.

Bħala riżultat tal-qalba tat-trasport bl-art minn karozzi li jaħdmu bil-petol jew dijżil għall-elettriku, id-domanda għall-elettriku ser tiżdied skond kemm jiżdiedu l-karozzi tal-elettriku.  Nistgħu nlaħħqu ma’ din id-domanda mingħajr ma nkunu dipendenti fuq is-swieq enerġetiċi kontinentali?

Jekk jirnexxielna nżidu b’mod sostanzjali l-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli nistgħu bla dubju nindirizzaw parti minn din iż-żieda fid-domanda għall-enerġija. Il-bqija hu possibli li nindirizzawha billi ninkuraġixxu bidla fil-mobilità tagħna.

L-informazzjoni bażika dwar dan diġa nafu biha. Qegħda fil-Pjan Nazzjonali tat-Trasport li jiġbdilna l-attenzjoni li nofs il-vjaġġi li nagħmlu bil-karozzi privati tagħna huma għal vjaġġi qosra, li jdumu inqas minn kwarta. 

Il-politika tal-Gvern kif imfissra fl-aħħar baġit ser tintroduċi transport pubbliku b’xejn minn Ottubru 2022. Dan jeħtieġ ftit iktar attenzjoni, għax il-prezz li nħallsu għat-trasport tal-linja qatt ma kien l-ostaklu għall-użu tat-trasport pubbliku. Hi l-effiċjenza u l-frekwenza tiegħu li jeħtieġu titjib. Jekk dan ikun indirizzat jista’ jagħmel id-differenza sostanzjali fl-użu tat-trasport pubbliku.

Dan hu x’joffri l-futur: nindirizzaw it-tibdil fil-klima permezz tal-politika tat-trasport u l-ippjanar aħjar fil-qasam tal-enerġija. Fuq kollox billi nħarsu id-dritt tagħna għal aċċess għax-xemx. 

In-natura tipprovdilna soluzzjonijiet sostenibbli għall-parti l-kbira ta’ dak li neħtieġu. Jiddependi minnha jekk ngħarfux nagħmlu użu minnhom sewwa!

Ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 31 t’Ottubru 2021

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s