Paga minima diċenti

Nhar it-Tnejn, waqt id-diskors tal-buġit konna infurmati biż-żieda statutorja annwali fil-paga minima. Kif nafu ser tkun żieda ta’ €1.75. Bosta ikkummentaw li dan mhux biżżejjed. Hi r-reazzjoni naturali li nisimgħu kważi kull sena.

Meta żieda fil-paga minima, li nirreferu għaliha bħala żieda għall-għoli tal-ħajja, ma tikkorrispondix ma kemm fil-fatt il-ħajja tkun qed togħla jinħolqu bosta problemi għall-persuni u gruppi vulnerabbli.  Meta żieda għall-għoli tal-ħajja ma tkunx adegwata, din tiekol ukoll mill-valur tal-pagi li jkunu għola mill-paga minima. Dan iseħħ minħabba li l-baskett ta’ oġġetti u servizzi li jintużaw biex permezz tagħhom titkejjel żieda fl-għoli tal-ħajja ma jkunx għadu jirrifletti r-realtà dwar il-ħtiġijiet bażiċi tan-nies.

Aħna, bħala partit ilna żmien nitkellmu dwar il-ħtieġa li jkun aġġornat il-kontenut tal-baskett ta’ oġġetti u servizzi li bih titkejjel l-għoli tal-ħajja u tkun determinata l-paga minima. Dan irid ikun aġġornat għaż-żminijiet.  

Il-Caritas f’Malta għamlet diversi studji dwar dan. L-aħħar wieħed li kien ippubblikat f’Diċembru 2020 kien jiffoka fuq tlett kategoriji vulnerabbli bi dħul baxx. Ir-rapport kien intitolat : A Minimum Essential Budget for a Decent Living. Jiena diġa ktibt dwar dan f’dawn il-paġni fi Frar li għadda.  Dwar familja li tikkonsisti f’żewġ adulti u żewġt itfal l-istudju tal-Caritas kien ikkonkluda li bil-prezzijiet tal-2020, bħala minimu, kienu meħtieġa  €14,000 f’sena għal għixien diċenti. Bejn wieħed u ieħor dak hu madwar  €4,000 iktar mill-paga minima attwali. Il-paga minima mhiex paga li tista’ tgħix biha. Min hu bil-paga minima qed jgħix fil-faqar minkejja li jaħdem.  

Qabel ma tħabbar il-buġit iktar kmieni din il-ġimgħa mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, hu parla ħafna dwar proposta li qal li kien qed iħejji biex ikunu ndirizzati l-ħtiġijiet tal-persuni vulnerabbli lil hinn minn dak li tipprovdi l-COLA (Il-mekkaniżmu ta’ aġġustament fil-pagi għall-għoli tal-ħajja).  Imma meta qara l-buġit, minkejja li dam jaqra mhux ħażin, ma qal xejn minn dan. Irid jistudja iktar mal-imsieħba soċjali, qal!

Il-proċess konsultattiv dwar proposta għal direttiva tal-EU dwar paga minima diċenti ilu ftit għaddej. Il-proposta tfittex biex toħloq għodda aċċettabli ħalli bihom tkun tista’ tiġi mkejla kemm għandha tkun il-paga minima f’kull pajjiż individwali tal-EU. Fl-istudju dwar l-impatti ta’ din il-direttiva kien emfasizzat li l-paga minima tkun waħda adegwata meta tkun ġusta fil-konfront tal-pagi ta’ ħaddiema oħrajn u meta tipprovdi għal għixien diċenti.Dan fil-kuntest tal-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-pajjiżi individwali.  Il-proposta tal-EU tfisser kif dan jista’ jsir b’għodda statistika.

Malta hi wieħed minn disa’ pajjiżi Ewropej fejn il-paga minima li titħallas skond il-liġi mhiex garanzija kontra r-riskju tal-faqar. Minkejja dan Malta hi wieħed mill-pajjiżi li qed jopponu l-introduzzjoni ta’ direttiva li tindirizza bis-serjetà l-adegwatezza tal-paga minima.

L-istudju tal-Caritas diġa żvela li l-paga minima jonqosha €4,000 fis-sena biex toqrob lejn paga diċenti. Iktar ma ddum ma tittieħed azzjoni din id-differenza iktar ser tikber. Huwa ferm aħjar li tiżdied il-paga kemm hemm bżonn milli jkunu ntrodotti servizzi soċjali addizzjonali biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas.  

Min jaħdem għandu dritt għal paga ġusta: il-paga minima mhiex waħda ġusta. Il-paga minima trid tkun paga li tista’ tgħix biha għax tkun tkopri l-ħtiġijiet bażiċi tal-familja. Għandna bżonn ekonomija sensittiva għall-ħtiġijiet umani.

M’għandniex noqgħodu nistennew soluzzjoni Ewropeja. L-istudju tal-Caritas ilu li wera lil kulħadd ir-realità. Imma  l-Parlament jibqa’ jinjora dan kollu.   Huma biss Membri Parlamentari eletti minn fost dawk ippreżentati minn ADPD li jistgħu jibdew it-triq għal deċizjoni li torbot ħalli l-paga minima tkun waħda li tista’ tgħix biha.

Ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 17 t’ Ottubru 2021

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s