Inħarsu l-ODZ

Kważi kulħadd, illum il-ġurnata jaf li l-ittri ODZ ifissru “outside the development zone”, jiġifieri barra miz-zona tal-iżvilupp. Ir-regoli u r-regolamenti tal-ippjanar diġa jħarsu l-ODZ. Hi l-Awtorità tal-Ippjanar flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u ir-Riżorsi li għandhom din ir-responsabbilta.

Kull meta jsiru proposti biex jiżdied il-ħarsien tal-ODZ, ifisser biss li l-miżuri attwali ta’ ħarsien  mhux qed jitwettqu sewwa. Fil-prattika jfisser ukoll li l-awtoritajiet maħtura mhux qed jagħmlu xogħolhom u li l-kontrolli fis-seħħ mhux jiffunzjonaw!  

L-ippjanar dwar l-użu tal-art hu minnu nnifsu kontroversjali għax jinvolvi għażliet, ħafna drabi għażliet diffiċli.  Anke deċiżjonijiet żgħar, ukoll iħallu lil uħud diżappuntati: aħseb u ara deċiżjonijiet maġġuri li jkollhom impatti konsiderevoli fuq bosta.  Li tiddetermina n-natura tal-iżvilupp permissibli u l-limiti tiegħu hu mill-iktar kontroversjali. Dan rajnieh iseħħ quddiem għajnejna huma u jkunu ifformulati l-pjani lokali ħmistax-il sena ilu, u iktar waqt l-implimentazzjoni tagħhom.

Il-pjani lokali jistgħu jkunu wieħed minn żewġ tipi: jistgħu jkunu ċari ħafna u rigidi b’mod li jispeċifikaw eżatt x’għandu jsir bla ebda eċċezzjoni. F’dan il-kaz ikun jeħtieg li dawn ikunu aġġornati regolarment biex jirriflettu l-aspettattivi raġjonevoli tal-komunità.  Minflok, il-pjani lokali jistgħu jkun flessibli, b’mod li jipprovdu soluzzjonijiet differenti għal cirkustanzi differenti. F’dan il-kaz il-proċess ta’ interpretazzjoni hu wieħed kruċjali: jeħtieġ li jkun wieħed konsistenti.

F’kull kaz, dan kollu hu dipendenti fuq li jkollok persuni ta’ integrità li jamministraw l-affarijiet. Tul is-snin id-dibattitu pubbliku żviluppa b’mod li kien hemm qbil li l-politiku għandu joqgħod lura milli jinvolvi ruħu fil-proċess tal-ippjanar. Sfortunatament ma sarx hekk għax il-politiku għażel persuni oħrajn biex jaġixxu f’ismu, imma kontinwament jassigura ruħu li jibqa’ jikkontrolla hu, bir-remote control! 

Dawk li jiffurmaw parti mill-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet kienu “persuni ta’ fiduċja” lesti biex jagħmlu li jgħidulhom u dan sfortunatament xejjen l-iskop kollu tar-riformi li saru tul is-snin.  Dan rajnieh iseħħ quddiem għajnejna. Fost dawn “il-persuni ta’ integrità” li appuntaw fuq il-bordijiet insibu agent tal-propjetà, jirreklama żvilupp li għadu ma sarx u li kien għad irid japprova hu. Dan weħel multa sostanzjali dwar ħasil ta’ flus u bħalissa għaddej bi proċeduri kriminali dwar iktar akkużi ta’ ħasil ta’ flus!

Din hi l-vera problema tal-ippjanar fl-użu tal-art f’Malta u tal-ħarsien tal-ODZ: l-għażla ta’ dawk li ser jieħdu d-deċiżjonijiet! Qabel ma din tissolva ser jibqa’ jsir it-tħarbit.

Tul it-tlett snin li għamilt naħdem fl-uffiċċju tal-verifika tal-Awtorità tal-Ippjanar kelli l-opportunità li nifhem dan ferm iktar u dan billi eżaminajt numru mhux żgħir ta’ kazijiet.

Il-lobbying favur jew kontra deċiżjoni speċifika tal-ippjanar hi parti integrali mill-proċess kollu.  Dan jista’ jagħmel il-ġid jekk ikun dokumentat kif imiss u jkun ikkunsidrat bis-serjetà. Imma jekk l-argumenti jsiru bil-ħabi u bis-segretezza jew bit-tfesfis fil-widnejn, jista’ jwassal għal deċiżjonijiet ħżiena u anke għall-korruzzjoni.

Tul is-snin kellna numru ta’ professjonisti tal-ippjanar li ġew imwarrba għax kienu kompetenti iżżejjed!  Ma ġewx imwarrba għal raġunijiet politiċi. Li dawn ġew imwarrba kellu effett doppju:  intilfu professjonisti validi imma bihom ingħatat twissija lill-bqija. Xejn ma hemm allura għax niskantaw li l-bqija jimxu mal-kurrent: għax hekk jaqbel!

F’dawn iċ-ċirkustanzi hu ċar li ma hemm l-ebda futur għal ippjanar raġjonevoli dwar l-użu tal-art sakemm il-politiku jibqa’ jiġbed l-ispag: fid-deher jew fil-moħbi.  Ir-rwol tal-politika u tal-politiku hu li jistabilixxi direzzjoni politika u li jara li jkunu allokati r-riżorsi meħtieġa. L-implimentazzjoni, iżda, għandha titħalla f’idejn min hu mħarreġ biex jagħmel dan ix-xogħol. Dan sfortunatament  bħalissa jidher li hu holm!

Ippubblikat fuq Illum: 19 ta’ Settembru 2021