Illum indirizzajna konferenza tal-aħbarijiet dwar il-politika tat-Trasport.
L-argument ewlieni tagħna hu li l-proġetti massiċċi ta’ toroq huma ħela ta’ flus.
Jgħidulna li huma meħtieġa biex tkun indirizzata l-konġestjoni tat-toroq.
Ma jgħidux li bħala riżultat qed jispiċċaw jiżdiedu l-karozzi fit-toroq u fi ftit ta’ żmien ieħor nerġgħu nispiċċaw koppi. Kull ma qed jiġri hu li l-problema qed tkun mixħuta fil-futur, biex tiżdied mal-problemi l-oħra li qed jintefgħu f’ħoġor il-ġenerazzjonijiet futuri.
Bil-ħidma tal-Gvern qed ikun indirizzat l-effetti li jidhru, u mhux il-kawża tal-problemi: konġestjoni u tniġġiż.
Il-kawża tal-problemi mhumiex it-toroq imma in-numru ta’ karozzi li dejjem jiżdiedu, meta fir-realtà hu possibli li ngħaddu mingħajrhom kieku l-Gvern u l-biżibilju awtoritajiet jindenjaw ruħhom jaħdmu bis-sens.
Iċ-ċokon tal-pajjiż hu l-ikbar vantaġġ li għandna fejn jidħol it-trasport. Il-fatt li kważi kullimkien hu viċin, tefa’ ta’ ġebla l-bogħod għandu jagħmilha iktar faċli li nindirizzaw il-problemi tagħna ta’ mobilità b’mod li jkollna politika ta’ trasport effettiva u sostenibbli.
L-istrateġija tat-trasport, infassla minn dan il-Gvern stess, tagħmel l-iktar osservazzjonijiet bis-sens.
Tgħidilna li nofs il-vjaġġi bil-karozzi privati huma għal distanzi qosra, b’medja ta’ 5.50 kilometri u li jdumu inqas minn kwarta. Din l-osservazzjoni turina li anke kieku kellna nindirizzaw biss dawn il- 50% tal-vjaġġi diġa nimxu pass ta’ ġgant lejn soluzzjoni. Biex nagħmlu dan hu meħtieġ investiment fl-infrastruttura lokali u reġjonali. Dan waħdu għandu l-potenzjal ta’ tnaqqis ta’ karozzi mit-toroq.