X’inhu jiġri dwar il-jott marina fil-Bajja ta’ Marsaskala? Skiet perfett s’issa.
L-ebda indikazzjoni dwar x’inhu għaddej minn wara l-kwinti. Xi ħaġa imma għaddejja żgur.
Il-bieraħ jiena ċempilt tlett telefonati, lil tlett periti li naf li huma midħla ta’ dan it-tip ta’ xogħol. Staqsejthom jekk humiex qed jippreparaw il-pjanti għall-jott marina f’Marsaskala.
L-ewwel wieħed mhux biss qalli li mhuwiex qed jaħdem fuq dawn il-pjanti: qalli ukoll li ma jaqbilx ma’ jott marina fil-Bajja ta’ Marsaskala. Qalli ukoll li lilu ħadd ma ikkuntattjah.
It-tieni wieħed qalli le ukoll. Imma qalli li kien imsiefer u għadu kif ġie lura. Qalli li s’issa ħadd ma ikkuntattjah lilu.
It-tielet wieħed qalli storja differenti. Qalli li xi ġranet ilu kellmu wieħed avukat ħabib tiegħu li hu midħla tal-politika. “Trid nidħlulha?” kienet il-mistoqsija tal-avukat. It-tweġiba tal-perit, skond kif qalli, kienet fin-negattiv. L-isem ta’ dan l-avukat midħla tal-politika ma qalulix, minkejja li staqsejtu. Ma xtaqx jgħidli ismu, għax hu ħabib tiegħu!
Ma naħsibx li hu prudenti li nsemmi ismijiet: iktar u iktar la l-ebda wieħed mit-tlett periti li kellimt mhu qed iħejji l-proposti għall-jott marina f’Marsaskala.
Xi ħaġa jidher li qed jinħema. Biż-żmien insiru nafu id-dettalji kollha!
Sadanittant, jiena u nikkonkludi dan l-artiklu, xi ħaddieħor infurmani li l-ewwel studji tal-EIA bdew!
Ta’ min wieħed isaqsi lil perit kunsillier ta’ Marsaskala li konvenjentement għażel li jastjeni milli jivvota kontra l-mozzjoni li ppropona l-Kunsill. Forsi kumbinazzjoni li perit, imma forsi le! Dejjem investigazzjoni interessanti, le le?
Imqar jgħidilna x’jaħseb hux. Jekk tenn 5 kelmiet fil laqgħa, tenn ħafna.
Interessanti jkun ukoll kieku l-kandidati ġodda fuq id-distrett li riċentement faqgħu il-midja soċjali bix-xogħol “siewi” tagħom għall-lokal, (inħares lejkom Sur Abela u Sur Ellul), imqar ilissnu kelma fuq il-proposta tal-biki tal-marina.