Il-kuxjenza ta’ George Vella

Intqal ħafna dwar George Vella, l-President tar-Repubblika, u l-kuxjenza tiegħu, u dan wara ir-rapport tal-inkjesta dwar ir-rwol tal-istat Malti u ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Mhux ser nagħti kaz ta’ dak li qalu ipokriti bħal Jason Azzopardi li dwaru diġa ktibt diversi drabi (ara per eżempju dan : A Christmas Carol for Jason Azzopardi) li għandu ħafna kontijiet pendenti mal-kuxjenza tiegħu. L-ebda żjara fuq il-qabar ta’ Kristu m’hi ser tħassar dawn il-pendenzi!

George Vella kien jifforma parti mill-Kabinett ta’ Joseph Muscat. Qatt ma esprima ruħu fil-pubbliku kontra dak li kien qed jiġri. Nafu minn dak li ntqal fil-media li fil-Grupp Parlamentari Laburista, anke meta kien jifforma parti minnu George Vella, kien hemm diskussjoni mqanqla dwar dak li kien għaddej. Kien hemm numru żgħir ta’ Membri Parlamentari li kienu kritiċi ta’ dak li kien għaddej, fosthom jingħad li kien hemm George Vella.  Dwar dan jiena diġa ktibt 5 snin ilu fil-kuntest tad-dibattitu dwar il-Panama Papers.

Kont għidt hekk nhar it- 3 ta’ Mejju 2016 :

Il-grupp parlamentari laburista m’huwiex kuntent bis-sitwazzjoni. Huwa konxju li s-skiet tal-Partit Laburista quddiem it-taħwid tal-Gvernijiet tas-snin 70 u 80 kienet raġuni ewlenija li kkundannat lill-partit għal 25 sena fl-Opposizzjoni. Illum jirrealizzzaw li hu kmieni wisq, wara biss tlett snin, biex il-partit laburista jsib ruħu f’dan it-taħwid kollu. Il-ftit li għamel Joseph dwar il-kaz (anke jekk kosmetiku) għamlu biex jipprova jissodisfa lill-grupp parlamentari tiegħu. Imma xorta ħadd ma hu sodisfatt. Dan kien jidher anke nhar il-Ħadd mill-body language ta’ Joseph x’ħin kien qed jindirizza l-folla fuq Kastilja.

Iċ-ċavetta qegħda f’idejn il-grupp parlamentari laburista biex dan iwassal lill-partit forsi jiġi f’sensieh. Is-soċjetà ċivili ukoll għandha responsabbiltà kbira li tibqa’ ssemma’ leħinha biex tkompli tagħmel il-kuraġġ lil dawk li fil-Partit Laburista qed jinsistu li Konrad (u Keith) għandhom jirriżenjaw. L-intellettwali tal-pajjiż hemm bżonn ukoll li joħorġu mill-friża u jiftħu ħalqhom flok ma jillimitaw ruħhom għat-tfesfis fil-widnejn.

George Vella kien wieħed minn dawk li ppruvaw jikkoreġu l-affarijiet minn ġewwa u ma rnexxielhomx! Għax is-saħħa tagħhom kienet limitata.

L-opinjoni li jiena għandi, u dejjem kelli, dwar George Vella, hi ta’ persuna serja. Nistqarr li xelliftha ftit din il-fehma meta George Vella kien wieħed minn tal-ewwel li appoġġa lil Joseph Muscat meta dan ippreżenta ruħu fl-elezzjoni għal mexxej tal-Partit Laburista (kontra George Abela, Marie Louise Coleiro, Michael Falzon u Evarist Bartolo). Sfortunatament minn kmieni ħafna beda jidher li Joseph Muscat kien bniedem amorali: il-boxxla tiegħu mhiex dak li hu sewwa. Ma jinteressahx dak li hu tajjeb jew ħażin, iżda biss dak li hu popolari.

George Vella iżda mhux amorali, u għalhekk li għandu jirrfiletti iktar fuq ir-responsabbiltajiet politiċi tiegħu tul il-perjodu li dam jokkupa post fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat.

Joseph Muscat li hu amorali warrab, kif qal hu stess biex jerfa’ r-responsabbiltà politika ta’ dak li kien għaddej.

Huwa obbligu ta’ George Vella, anke f’isem il-Laburisti ta’ integrità, li bħalhom hemm bosta, li hu ukoll jaċċetta r-responsabbiltà politika għal dak li ġara: irid jew ma jridx is-sehem tiegħu qiegħed hemm, ħadd u xejn m’hu ser iħassru!

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s