Malta: it-theddida mit-tibdil fil-klima

Malta hi waħda mid-diversi gżejjer li huma vulnerabbli għat-tibdil fil-klima.  Malta mhiex vulnerabbli daqs il-gżejjer Maldives, li huma fost l-iktar pajjiżi ċatti. Għandhom għoli medju ta’ 150 ċentimetru il-fuq minn livell il-baħar bl-iktar punt għoli jkun 5.10 metri.  Fil-mument li bħala riżultat tat-tibdil fil-klima jibda jogħla l-livell tal-baħar il-gżejjer Maldives ikunu minn tal-ewwel li jisparixxu taħt l-ilma. Il-gżejjer Maldives huma destinazzjoni turistika popolari fl-Oċejan Indjan. 

Jekk dak miftiehem fis-Summit ta’ Pariġi fl-2015 jitwettaq u ż-żieda fit-temperatura medja globali ma taqbizx il-1.5 grad Celsius fuq dik pre-industrijali, xorta jkollna niffaċċjaw għoli fil-livell tal-baħar ta’ madwar 50 ċentimetru. Min-naħa l-oħra jekk iż-żieda fit-temperatura tkun bejn il-1.5 u 2 gradi Celsius iż-żieda fil-livell tal-baħar tista’ twassal anke sa tlett metri.  L-impatti ta’ dan ikunu katastrofiċi u jiddependi minn kemm idub silġ u kemm dan idum biex idub

Ir-rapport tal-IPCC (Intergovernmental Panel on Climate Change) li ħareġ nhar it-tnejn, jemfasizza li jekk l-emissjonijiet serra mhux ser ikunu indirizzati sewwa u jonqsu b’mod sostanzjali l-istima hi ta’ żieda medja fit-temperatura globali ta’  2.7 gradi Celsius sal- 2100 liema żieda twassal għal tibdil mhux żgħir fil-livell tal-baħar.

Il-pass li jmiss nittamaw li jsir f’Novembru li ġej fi Glasgow fl-Iskozja fejn rappresentanti tad-dinja kollha jiltaqgħu biex jippruvaw isibu soluzzjoni li tkun kapaċi twettaq il-konklużjonijiet tas-Summit ta’ Pariġi fl-2015.  

Ir-rapport tal-IPCC jgħidilna li huwa ċar li bir-ritmu presenti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, iz-żieda ta’  1.5 gradi Celsius fit-temperatura medja tista’ tintlaħaq anke sal-2030, ferm qabel mistenni. Huwa biss bħala riżultat ta’ tnaqqis immedjat ta’ dawn l-emissjonijiet li jistgħu jonqsu l-impatti li diġa qed naraw madwarna: żieda qawwija fit-temperaturi, maltempati iktar spissi u b’qilla li dejjem tiżdied, xixfa fit-tul f’inħawi u għargħar f’oħrajn ……………  Irridu niffaċċjaw ħafna iktar minn dan kollu, flimkien ma żieda fil-livell tal-baħar u dan sakemm naddottaw stil ta’ ħajja li tirrispetta lin-natura.  

Jekk irridu insibu tarf tal-ħerba kbira li qed takkumula, u l-gwaj kawża tat-tibdil fil-klima li hemm lest għalina, irridu nibdew naħdmu man-natura u mhux kontriha.  Dan hu l-iskop tad-dibattitu dwar il-mira ta’ karbonju zero (carbon neutrality): li innaqqsu l-emissjionijiet malajr kemm jista’ jkun biex il-ħsara li saret tibda tkun imsewwija u fuq perjodu ta’ żmien forsi tkun rimedjata ukoll, anke jekk in parti. Imma hu essenzjali li kulħadd jagħti sehmu. Ma nistgħux nippretendu li ħaddieħor joħroġ għonqu u li aħna nibqgħu gallarija, qiesu ma ġara xejn!

Il-vulnerabilità tal-gżejjer Maltin għandha minnha innifisha tikkonvinċina mhux biss biex niċċaqalqu aħna, imma biex inċaqilqgħu lil ħadddieħor ukoll.

Biex nilħqu din il-mira jeħtiġilna li naddattaw l-imġieba tagħna u l-istil ta’ ħajjitna ma’ dak li turina u tgħidilna n-natura: b’mod speċifiku jeħtieġilna ekonomija li tirrispetta lin-natura u taħdem mal-forzi ekoloġiċi, mhux kontrihom.  

It-turiżmu u t-trasport huma żewġ oqsma ta’ ħidmietna, bħala pajjiż, li jeħtieġilhom li jkunu mmansati. Qed jagħmlu wisq ħsara u huma fost il-kontributuri ewlenin għall-impatti Maltin fuq il-klima.

Meta nibdew nindirizzaw it-turiżmu, wara snin twal li kulħadd fittex li jaħleb din il-baqra ekonomika, ser ikun hemm min iweġġa’. Ilna ngħidu li l-pajjiż ma jiflaħx għat-tlett miljun turist li ġew fl-2019, il-parti l-kbira minnhom bl-ajru. L-impatti kumulattivi tagħhom huma sostanzjali, mhux biss fuq l-ambjent lokali imma ukoll fuq dak reġjonali u globali. Issa hu l-aħjar mument li jibda’ dan il-proċess ta’ tibdil fil-qasam tat-turiżmu, aħna u nirkupraw bil-mod mill-impatti tal-ħerba li ħalliet warajha l-COVID-19.

M’għandniex nibqgħu bl-attitudni ta’ qiesu ma ġara xejn (business-as-usual) imma għandna nibdew minn issa nimmiraw biex jonqos it-turiżmu tal-massa u fl-istess ħin jiżdied it-turiżmu ta’ kwalità u bħala riżultat ta’ hekk jonqsu n-numri kbar ta’ turisti li għamlu tant ħsara.  L-impatti soċjali jkunu ferm inqas  jekk nitgħallmu ftit minn dak li ġarrabna bħala riżultat tal-pandemija COVID-19. Ikun utli jekk nifhmu li l-ħeġġa ta’ uħud għall-mudell low-cost iħallina mwaħħlin fil-problema fejn qegħdin issa.  

Huwa ukoll essenzjali li nindirizzaw ukoll it-trasport bil-karozzi privati. Ilkoll nifhmu li f’pajjiż żgħir bħal tagħna, imkien m’hu l-bogħod. L-istrateġija nazzjonali tat-trasport innifisha fil-fatt temfasizza dan il-punt għax tgħidilna li fil-gżejjer Maltin madwar 50 fil-mija tal-vjaġġi li nagħmlu bil-karozzi privati huma għal distanzi qosra li jdumu inqas minn ħmistax-il minuta.  Għal dawn id-distanzi l-qosra hemm bosta alternattivi sostenibbli. Lil hinn mid-distanzi l-qosra, f’dan il-pajjiż imkien ma hu l-bogħod! Trasport pubbliku organizzat b’mod effiċjenti jista’ jindirizza kważi b’mod assolut il-kontribut tat-trasport f’Malta għat-tibdil fil-klima.

Biex tieħu deċiżjoni dwar il-passi meħtieġa ħalli tindirizza t-tibdil fil-klima trid il-kuraġġ għax kull deċiżjoni hi iebsa. Mhux ser inkun kritiku tal-inizjattiva ta’ ġnien li ma jiġġenerax emissjonijiet (carbon neutral public garden) jew tal-għajnuna biex ikunu nkoraġġiti “bjut ħodor”.  Imma għandu jingħad li dawn l-inizjattivi huma insinifikanti ħdejn dak meħtieġ li jsir biex ikunu indirizzati l-impatti tat-tibdil fil-klima.  

Malta hi vulnerabbli. L-għoli ta’ livell il-baħar, anke jekk ikun l-inqas mill-istimi li qed isiru fir-rapport tal-IPCC ikun ta’ dannu għall-infrastruttura kostali. Joħloq ukoll bosta problemi għal dawk li jgħixu fil-lokalitajiet madwar il-kosta. Ma nistgħux nibqgħu nipposponu id-deċiżjonijiet biex dawn forsi jittieħdu għada flok illum. Għandna responsalliltà etika jekk il-ġenerazzjonijiet futuri: din il-pjaneta, imsejħa d-dinja qed nieħdu ħsiebha biex wara ngħadduha lilhom f’kundizzjoni aħjar milli ta’ qabilna għaddewha lilna.  

ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 15 t’Awwissu 2021

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s