Il-qrubija bejn il-poter politiku u l-poter tan-negozju wasslu biex nawwru l-istituzzjonijiet regolatorji tal-pajjiż : Silta (5) mill-inkjesta

Kondotta inaċċettabbli tal-Prim Ministru

Għall-Bord il-kondotta tal-allura Prim Ministru f’din iċ-ċirkustanza u l-mod abbużiv kif baqa’ jipproteġi liċ-Chief of Staff tiegħu u jsostnih fil-kariga importanti li kellu fl-amministrazzjoni sakemm ġie arrestat in konnessjoni mal-assassinju, hi inaċċettabbli, kundannabbli u tirrażenta nuqqas gravi w abbuż fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala kap tal-gvern u garanti talgovernanza tajba. Hawn mhux si tratta ta’ ġudizzju politiku żbaljat li jeżorbita mit-termini ta’ referenza ta’ dan il-Bord. Si tratta fl-agħar ipotesi għal Dr Muscat għall-kopertura, protezzjoni ta’ persuni li allegatament ikkommettew reati gravi. Il-Bord baqa’ żbalordit bir-risposta li ta għad-domanda jekk kienx tkellem mas-Sur Fenech u lis-Sur Schembri dwar 17 Black wara l-assassinju meta bdew joħorġu aktar dettalji dwar min kien is-sid ta’ din il-kumpanija. Dan anke in vista tal-fatt li kienet teżisti ħbiberija u linja ta’ kommunikazzjoni diretta bejniethom anke permezz ta’ WhatsApp li baqgħet anke għal xi żmien meta kien persuna ta’ interess fl-omiċidju. Dr. Muscat wieġeb hekk: “Le. IsSur Fenech qatt ma staqsejtu u qatt ma tkellimt miegħu fuq dan il-punt. Lil Keith Schembri li kien jaqa’ taħti, staqsejtu wara li ħareġ dan kollu u reġa’ qal li kienet kwistjoni ta’ negozju bejniethom it-tnejn u qalli li ma għandha x’taqsam xejn mal-Electorgas”.

Is-Sur Schembri fil-verità jibqa’ jsostni hekk ukoll anke sal-lum. Mhux ilkompitu tal-Bord li jesprimi ruħu fuq x’inhi l-verità f’dan ir-rigward. Il-punt kruċjali hu illi meta saret l-akkuża, xhur qabel l-assassinju, l-Prim Ministru m’għamel xejn meta missu għamel ħafna. Kien bħal minimu obbligat jirrapporta l-allegazzjoni formalment lill-Pulizija b’talba li tinvestigaha b’urġenza jekk xejn għax kienet tista thedded l-istabilità tal-governanza fil-pajjiż. Il-Pulizija dak iż-żmien taħt il-Kummissarju Lawrence Cutajar għamlu ftit li xejn. Ċertament m’għamlux dak li kellhom jagħmlu. Ċertament għamel inqas mill-Kummissarju ta’ qablu Michael Cassar li wara li ġew żvelati ddettalji dwar il-Panama Papers u ġie informa li l-FIAU kienu qed jaħdmu fuqha, fetaħ file bl-isem ta’ ‘Operation Green’. Hu kien irriżenja xi tlett ġimgħat wara li kien irċieva r-rapporti dwar is-Sur Keith Schembri u l-Ministru Mizzi. Lill-Bord tah x’jifhem illi ma felaħx għall-pressjoni li akkużi gravi ta’ din ix-xorta ġabet fuqu. L-istess kif kien għamel Manfred Galdes.

Abbuż ta’ poter li jekk pruvat ibiddel ix-xenarju

Dawn ir-referenzi qsar għaċ-ċirkostanzi tal-Panama Papers u l-kumpanija 17 Black qed isiru f’dan l-istadju mill-Bord għaliex huma indikattivi ta’ kif kien jiġi abbużat l-eżerċizzju tal-poter fl-ogħla livell biex jiġu protetti persuni fil-qalba tal-amministrazzjoni. Huma importanti wkoll għaliex jekk wieħed jikkunsidra illi tnejn mill-persuni involuti kienu jew jista’ jkun li għadhom persuni ta’ interess għall-pulizija fl-investigazzjoni tagħhom tal-omiċidju li ġie ippjanat tul iż-żmien u jekk l-involviment tagħhom jiġi b’xi mod konstatat minn awtorità kompetenti – salvi dejjem il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt tagħhom għal smigħ xieraq u ġust – il-kwistjoni ma tibqax biss li jiġi determinat jekk xi att jew ommissjoni illeċitu minn jew fi ħdan xi entità talIStat iffaċilitatx l-assassinju meta kellha tipprevenih. Ix-xenarju jinbidel għal wieħed ta’ parteċipazzjoni attiva ta’ persuni li jikkomponi enti tal-IStat filkommissjoni tad-delitt. Dan apparti, fuq bażi fattwali u mhux issa ipotetika, l-inattività pależi tal-Prim Ministru u tal-entitajiet tal-iStat, fosthom il-Pulizija li għandhom il-funzjoni li jħarsu lis-soċjetà mill-kriminalità u jiggarantixxu l-ordni pubbliku, li jieħdu passi effettivi u fil-ħin kontra persuni ta’ poter fil-politika u fin-negozju, tnissel sens qawwi ta’ impunità, mhux biss fl-istess persuni involuti, imma wkoll f’kullmin kien intenzjonat li jaġixxi biex jipparteċipa f’xi aġir kriminuż. Kif jirriżulta mill-provi dawn fittxew li jkollhom konnessjonijiet fl-ogħla livell ta’ ħbiberija jew interess ma’ min kellu s-setgħa biex ikun jistgħu jaġixxu flassigurazzjoni reali jew perċepita li ser ikunu minnhom protetti. Dawn iċ-ċirkostanzi huma relevanti wkoll għaliex huma prova tanġibbli tażżwieġ li seħħ bejn l-eżerċizzju tal-poter politiku u l-eżerċizzju tal-poter ekonomiku. Żwieġ inċestuż li kien fil-qalba tal-investigazzjonijiet talġurnalista assassinata u li ngħad, ma setax ma kienx il-movent prinċipali talqtil tagħha.

Theddida għall-eżerċizzju tal-poter ekonomiku

Il-Bord konvint kif inhu, illi fuq bażi qawwija ta’ probabbilitajiet jekk mhux ċertezza, l-assassinju tas-Sinjura Caruana Galizia hu inevitabblilment marbut ma’ dawk li hi kienet tqis li huma skandli serji ta’ amministrazzjoni ħażina, riżultat tal-qrubija bejn il-poter politiku u l-poter tan-negozju kbir li wasslu biex nawwru sewwa l-istituzzjonijiet regolatorji tal-pajjiż, hi inevitabbli l-konklużjoni illi l-ġurnalista sabet in-nemesi fatali tagħha fil-politika dikjarata tal-gvern sa minn qabel l-elezzjoni tal-2013, illi hu kien determinat li jkun għal kollox business friendly. Politika li kellha l-għan li tiffavorixxi n-negozju, tinkorraġġixxi s-sħubija tal-gvern mal-investiment privat u tirrealizza proġetti kbar li joħolqu l-ġid.

Ladarba ġiet eskluża t-teżi illi l-omiċidju seta’ seħħ minħabba xi att inkonsult ta’ fanatiżmu politiku partiġġjan – f’dan ir-rigward ma rriżultat l-ebda provi quddiem dan il-Bord – il-fatti rilevanti li rriżultaw kemm qabel u kemm wara l-omiċidju għandhom jiġu ikkunsidrati minn din l-ottika. Il-Bord ripetutament afferma li ma kien hemm xejn oġġezzjonabbli li l-gvern ikollu politika li tkun business-friendly, anzi fi kliem iċ-Chief of Staff Keith Schembri gvern b’‘mentalità tal-business’, sakemm l-eżekuzzjoni ta’ dik il-politika u r-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjoni pubblika u negozjanti w investituri jinżammu strettament fil-limiti tal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli. Hu f’dan illi l-aġir tal-gvern falla. Hu għaliex il-mentalità ta’ negozjant għandha bħala regola l-mira illi timmassimizza l-profitt fin-negozju, bl-inqas burokrazija, u billi taqta’ għad-dritt ħadet is-sopravvent fuq dik li għandha tkun il-mira ta’ kull gvern li joħloq il-ġid fl-interess tal-komunità b’mod ġust u trasparenti skont il-liġijiet tal-pajjiż, illi ngħata lok għal sitwazzjonijiet li tista’ tgħid kull proġett maġġuri inizjat mill-amministrazzjoni spiċċa kellu dellijiet ta’ irregolaritajiet, abbuż ta’ poter u korruzzjoni. Allegazzjonijiet li jimplikaw li negozjanti involuti f’dawn il-proġetti għamlu jew kienu intenzjonati li jagħmlu qligħ indebitu minn fuq dahar il-poplu anki f’xi okkażjonijiet b’kollużjoni ma’ personaġġi politiċi ewlenin involuti fit-twettieq ta’ proġetti. Il-proġett tal-Electrogas hu wieħed minn dawn il-proġetti li dwaru l-Awditur Ġenerali esprima riservi kbar dwar ir-regolarità tal-proċeduri fit-twettieq talproġett u l-ħarsien tal-liġijiet applikabbli.

(pp 201-6)

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s