Indħil fix-xogħol tal-Pulizija: Silta (4) mill-Inkjesta

Meta ġew illikjati r-rapporti tal-F.I.A.U., is-Sur Keith Schembri kien bagħat għas-Sur Abdilla u talbu l-opinjoni tiegħu dwarhom fejn jikkonċernaw lilu nnifsu, jiġifieri lis-Sur Keith Schembri. Is-Sur Abdilla xehed illi ltaqa’ ma’ Keith Schembri darbtejn u ddiskuta dawn ir-rapporti li kienu jolqtu lil Keith Schembri u l-laqgħat saru f’Kastilja. Dan juri li kien hemm indħil dirett u suspett mis-Sur Schembri fil-ħidma u fl-investigazzjoni tal-Pulizija dwar irrwol tiegħu fil-Panama Papers. Aġir li hu ferm ċensurabbli u anke illeċitu. Il-Pulizija kienu jafu illi l-kumpanija 17 Black kienet tappartjeni lil Yorgen Fenech, imprenditur kbir b’konnessjonijiet mill-qrib kemm ma’ politiċi ewlenin kif ukoll mac-Chief of Staff tal-Prim Ministru. Is-Sur Abdilla żvela wkoll li kien ġie deċiż illi jmorru jkellmu lil Fenech Portomaso iżda huma u sejrin hemmhekk ċempel lis-Sur Silvio Valletta u qalilhom biex iduru lura għaliex is-Sur Fenech dakinhar ma setax ikellimhom billi kien indispost. Ma kienux reġgħu marru ikellmuh u lanqas talbuh biex imur id-Depot tal-Pulizija ħalli jkellmuh.

(pp.292-3)

Meta xehed l-ex Deputat Kummissarju Silvio Valletta, qal lill-Bord illi huwa kien għadda r-rapporti kollha li kienu daħlu mill-F.I.A.U. lil Ian Abdilla. Meta ħareġ fil-media illi s-17 Black allegatament kien jappartjeni lis-Sur Fenech u illi din il-kumpannija allegatament kienet maħsuba biex tgħaddi flus lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi, huwa afferma illi dak li jiġi trasmess lill-Pulizija mill-F.I.A.U. kien biss intelliġenza. Il-Pulizija ma tkunx tista’ tużaha meta tiġi biex tarresta lil xi ħadd u jkollha bilfors tagħtih il-“full disclosure”. Din kienet ukoll it-tezi tas-Sur Ian Abdilla.

Is-Sur Silvio Valletta żvela fatt inkwetanti dwar l-inċident meta Ian Abdilla u uffiċjal ieħor kienu ser imorru jkellmu lil Yorgen Fenech f’Portomaso. Qal lill-Bord li kien ċempillu Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u qallu “mela ser tmorru tkellmu lil Yorgen Fenech għaliex semplicement deher rapport fit-Times?” Il-Bord jispjega illi r-rapport li deher fil-ġurnal Times of Malta kien jirreferi għal fatt illi Yorgen Fenech kien is-sid ta’ 17 Black. Keith Schembri ċempel lill-Pulizija, speċifikatament lil Silvio Valletta u qallu biex jordna lil Ian Abdilla u lill-Pulizija l-oħrajn ma jmorrux ikellmu lil Yorgen Fenech biex jinvestigaw dan il-fatt.

Dan huwa kaz ċar ta’ intralċ minn Keith Schembri fuq l-operat tal-Pulizija. Fix-xhieda tiegħu Silvio Valletta l-ewwel qal illi dakinhar illi kienu sejrin ikellmu lil Yorgen Fenech, Ian Abdilla kien ċempillu u qallu illi ma kienux sejrin ikellmuh għaliex kien indispost. Madanakollu meta l-Bord irrilevalu illi Ian Abdilla u oħrajn kienu xehdu li kien hu, jiġifieri Silvio Valletta li kien qalilhom biex ma jmorrux ikellmu lil Yorgen Fenech peress li dakinhar kien indispost, is-Sur Valletta qal illi ma jiftakarx. Ftakar biss illi ċempillu Keith Schembri u qallu illi l-Pulizija ma kellhiex għalfejn tmur tkellem lil Yorgen Fenech għaliex deher artikolu fuq ġurnal.

(pp.298-9)

Dal-għodu ġie imħabbar liis-Sur Ian Abdilla ġie sospiż :

Ara rapport Malta Today, Illum u Times

Il-Ministru kien iħossu mwarrab : Silta (3) mill-Inkjesta

Il-konċentrazzjoni tal-poter u l-kitchen cabinet Dan l-istil ta’ gvern amministrat mill-Prim Ministru Muscat u dan il-modus operandi ġie konfermat b’mod inekwivoku mill-allura Ministru tal-Finanzi s-Sur Edward Scicluna illi minn rajh u mingħajr provokazzjoni da parti tal-Bord ikkonferma illi “bħal kull gvern u f’kull pajjiż ikun dak li ngħidulu ‘kitchen cabinet’ jiġifieri jkun hemm erba’ min-nies dejjem hemmhekk u jidħlu f’ċerti affarijiet”. Iddikjara li hu ma kienx parti minn dak il-“kitchen cabinet”. Il-Ministru kien iħossu mwarrab sal-punt li meta kien ikun id-dar “Kont ngħidilha – isma’ jien għandi esperjenza u dan kollu fin-negozjati, kif qatt ma jdaħħluni biex ninegozja? … fi kwalunkwe ħaġa …”. Mistoqsi biex jagħti l-ismijiet ta’ min kien jipparteċipa f’dan il-“kitchen cabinet” apparti l-Prim Ministru u Keith Scehmbri, l-Ministru Scicluna iddeklina li jagħmel hekk għaliex qal “Jien ma nistax insemmi ismijiet għal raġuni li din hija opinjoni tiegħi. Illi jiena ma kontx parti mill-‘inner core’; li tħossok li inti escluded minn ċerti affarijiet imma ma kellix dik l-intimitá mal-Prim Ministru …”.

Aktar tard elabora “kulħadd jaf bil-closeness ta’ Keith mal-Prim Ministru u li kienu almost one and the same fis-sens ta’ team. Fuq dawn il-proġetti li jissemmew tal-power plant u tal-isptarijiet kien hemm Konrad magħhom. Jiġifieri sa hemmhekk nista’ ngħid. Jiġifieri l-oħrajn ma nistax nikkonkludi li żgur kienu hemm jew le ma nistax ngħid”.

(pp. 128-9)