Moħħhom mistrieħ: Silta (2) mill-Inkjesta

Ma huwiex il-kompitu ta’ dan il-Bord li jidħol fil-meritu tal-pjan tal-assassinju jew min seta’ kien responsabbli ghalih peress li dan hu kompitu tal-Pulizija peró, ma jistax ma jirrimarkax li dawn iċ-ċirkostanzi nisslu is-serħan il-moħħ f’dawk li kellhom il-pjan li jesegwixxu d-delitt li ma kenux ser jinqabdu wara lassassinju. Vince Muscat semma’ partikolarment ex-Ministru. L-allegati eżekuturi tant kellhom moħħom mistrieħ li kienu jafu minn tlett gimgħat qabel li ser jiġu arrestati fl-4 ta’ Diċembru 2017 u kellhom l-opportunità jżarmaw l-ambjenti li kienu jokkupaw fil-magħrufa tinda tal-Patata l-Marsa. Dana ġie konfermat mill-allura Prim Ministru Dr. Joseph Muscat meta xehed (bil-magħluq pero’ wara disponibbli fid-dominju pubbliku) quddiem dan il-Bord fl-4 ta’ Diċembru 2020. “Jien illum il-ġurnata għandi suspett pjuttost fondat illi fil-laqgħa jew laqgħat li kienu qegħdin isiru qabel l-arrest tat-tlett persuni kien hemm leak… F’dawk il-laqgħat kien ikun hemm preżenti iva Keith Schembri u Silvio Valletta … imma huwa car illi l-persuni arrestati kienu jafu … it was a fact”. Vince Muscat xehed li ġie mogħti informazzjoni millaħwa Degiorgio li l-arrest tagħhom kellu jkun wieħed temporanju fejn wara larrest kellhom jiġu interrogati u meħlusa wara ftit ġranet. Fil-fatt ma kienux u dak li ġara wara huwa fid-dominju pubbliku. (pp.257-8)

Żewġ livelli ta’ Gvern: Gvern ta’ fuq il-palk u Gvern ta’ wara l-kwinti: Silta (1) mill-inkjesta

Dan il-Bord akkumula muntanja ta’ provi kemm mix-xhieda li sema’ hu stess kif ukoll minn sorsi oħra bħar-rapporti tal-Awditur Ġenerali u xhieda li ngħataw f’diversi inkjesti, dwar irregolaritajiet gravi ta’ governanza ħażina, nuqqas ta’ osservanza ta’ regolamenti u proċeduri maħsuba biex jassiguraw trasparenza u kontabilitá li lkoll kienu jippuntaw lejn l-istess grupp ta’ nies, li lkoll kienu jgawdu l-fiduċja tal-Prim Ministru ta’ allura u li kienu fdati bit-twettieq tal-proġetti mfassla fil-programm elettorali.

Dawn il-provi kienu kostantement jippuntaw lejn realtá – fil-veritá ġeneralment rikonoxxuta – li dan iċ-ċirku ristrett, li kien jinkludi persuni li ma kienux kontabbli lejn l-elettorat, imma kienu jokkupaw karigi għolja f’entitajiet tal-iStat seta’ minħabba s-saħħa li kellu, jaġixxi taħt ir-radar u l-iskrutinju ta’ istituzzjonijiet regolatorji u tal-istess Kabinett tal-Ministri. Il-kweżit li jeħtieġlu jirrispondi għalih il-Bord hu jekk kienx minnu li allura kien hemm żewġ livelli ta’ gvern.


Ir-riposta għal din id-domanda ngħatat b’mod skjett u ċar mill-Onorevoli Evarist Bartolo li fiż-żmien rilevanti kien Ministru tal-Edukazzjoni u illum huwa Ministru għall-Affarijiet Barranin. Hu żvela l-eżistenza ta’ żewġ livelli ta’ gvern u dana f’dawn it-termini “Imma li għandna, għandna nies tal-flus li jużaw il-flus tagħhom biex jixtru l-influenza f’kull qasam tal-ħajja inkluż fil-politika u jiena wissejt li jista’ jkollok żewġ gvernijiet, jista’ jkollok gvern ta’fuq il-palk u jista’ jkollok gvern parallel ta’ wara l-kwinti”. U meta l-Bord staqsieh espressament jekk kienx hemm żewġ livelli ta’ gvern il-Ministru wieġeb fl-affermattiv “Iva għalhekk tkellimt fuq dawk in-networks. Għalhekk tkellimt b’dak il-mod u wissejt fuq il-ħsara li tista’ ssir fil-pajjiż kollu kemm hu”. Hu kompla jelabora “….anke jekk ħassejtni li f’pajjiżna faċilment ikollok żewġ kabinetti, kabinett uffiċjali li jiltaqa’ f’Kastilja u jkollok kabinetti oħra li jiltaqgħu fl-irziezet u fuq il-boats u jiltaqgħu f’postijiet oħra u jiġu deċiżi affarijiet li jibbajpassjaw l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Jiena nkwetat ħafna b’dan. Inkwetat ħafna u billi nkun inkwetat mhux biżżejjed …. jekk ma jkollokx istituzzjonijiet jekk tħalli l-poter li jista’ jiġi ikkonċentrat f’naħa waħda ser ikollok il-problemi”. (pp125-7)

Ir-Repubblika hi marida

Aħna u nsegwu l-ġbir tal-provi fil-Qrati dwar id-diversi każi li għadhom għaddejjin in konnessjoni mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia nistħajjilni qed nara dokumentarju dwar il-falliment tal-istituzzjonijiet f’Malta. Dokumentarju dwar il-falliment tal-istat Malti, dwar ir-Repubblika li għamlet lilha innifisha impotenti fil-konfront tal-kriminalità.  

L-assassinju ta’ Daphne hu ukoll falliment tal-korp tal-Pulizija li ma rnexxilux isib tarf tal-kriminalità organizzata.  

Kif jista’ l-korp tal-Pulizija jagħmel dmiru meta jkollu uffiċjali bħal Silvio Valletta li jkun fil-but tal-kriminali? Silvio Valletta għadu jiġri mas-saqajn: s’issa għad ma ħadux passi kontrieh minkejja l-ħsara enormi li għamel lill-kredibilità tal-korp tal-Pulizija u lill-pajjiż.

Illum nafu kemm Silvio Valletta tħaxken ma  Yorgen Fenech. Valletta ma kienx xi kuntistabbli  f’xi għassa tal-pulizija mwarrba. Prattikament kien imexxi l-Korp tal-Pulizija bħala Deputat Kummissarju. Kien jirrapresenta lill-Korp tal-Pulizja fuq il-Bord ta’ Tmexxija tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU).

Il-fatt li wieħed mill-fizzjali tal-pulizija l-iktar anzjani jaġixxi b’dan il-mod jagħti indikazzjoni ċara ta’ kif kienu jaħsbuha sħabu fit-tmexxija tal-korp fil- Furjana. Rapport tal-Ombudsman irrappurtat iktar kmieni dan ix-xahar dwar investigazzjoni mitluba fuq ilment ta’ Supretendent tal-Pulizija fisser kif kienet tinħatar it-tmexxija tal-korp: il-lealtà lejn il-kummissarju qabel il-lejaltà lejn is-servizz, kienet kwalifika essenzjali.  Meta l-għażla tal-fizzjali tal-korp kienet issir b’dan il-mod xejn m’għandna nissorprendu ruħna li l-korp ilu ftit kompromess.

Iz-ziju Silvio kien investiment li jirrendi għal Yorgen Fenech. Għal żmien twil Silvio Valletta kien il-muftieħ li iffaċilita l-aċċess  ta’ Yorgen Fenech għal kull xorta ta’ informazzjoni li kien jeħtieġ.  Dan hu eżempju ċar ta’ x’nifhmu meta ngħidu li d-dinja kriminali qegħda bosta passi qabel il-korp tal-pulizija.   F’dan il-kaz, permezz ta’ Silvio Valletta d-dinja kriminali setgħet tinfluwenza l-korp bir-remote control.

Diffiċli biex nifhmu kif inhu possibli li jkollna kollass iktar gravi tal-istituzzjonijiet minn hekk.

Dan kollu ma ġarax mil-lum għal għada. Imma hu ċentrali biex nifhmu kif żviluppat l-għanqbuta tal-maniġġi tul is-snin liema maniġġi wasslu għall-assassinju ta’  Daphne Caruana Galizia u lil hinn.  

Meta saret emfasi dwar il-kunflitt ta’ interess ta’ Silvio Valletta minħabba li dakinnhar, martu, kienet membru tal-Kabinett, ir-resistenza biex iwarrab kienet enormi. Kella tkun kawża fil-Qrati, li ħadet iż-żmien, li wasslet biex jitwarrab mill-investigazzjoni.  

Issa ġie ippubblikat ir-rapport finali tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne. Ir-rapport ma jgħidilniex min qatilha, jew min ordna l-qtil tagħha: dak qatt ma kien l-iskop tar-rapport. Ir-rapport imma jeżamina l-klima ta’ impunità li nħolqot u li wasslet għall-assassinju tagħha.  Ir-rapport juri kif in-negozju u l-politika saru ħaġa waħda, tant li xi kultant mhux iktar faċli biex tgħid min hu min.

Il-konklużjoni ewlenija tar-rapport hija li Malta inħakmet minn mentalità mafjuża. L-istat Malti ntrikeb minn mentalità kulturali li tippermetti mentalità u attitudni mafjuża li jrabbu l-għeruq.

Ftit hemm proposti fir-rapport tal-inkjesta li huma ġodda għad-dibattitu politiku lokali. Bosta mill-proposti ilhom fl-aġenda pubblika numru ta’ snin. Uħud ġew imbiċċra, mdgħajfa inkella gvernijiet differenti għamlu snin sħaħ iparlaw dwarhom u jagħmlu ftit li xejn.   Il-ħarsien ta’ min ikun lest li jikxef il-ħmieġ (whistleblowing) għadu soġġett għall-ispag politiku kif rajna b’għajnejna għal numru ta’ snin. Ir-regolamentazzjoni tal-lobbying hi soġġetta għal ħafna paroli, imma s’issa ma sar xejn. Ir-regolamentazzjoni tal-imġieba etika saret farsa, minkejja l-isforzi ta’ George Hyzler, il-Kummissarju dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika.

Huwa essenzjali li l-kuntatti kollha bejn kull negozju u l-friegħi kollha tal-istat ikunu ċari u trasparenti. Kollox, mingħajr eċċezzjoni. Ilu jsir paroli dwar dan imma ftit wisq sar dwaru.

L-istat Malti ġie mdgħajjef minn dawk li fittxew li jsiru sinjuri malajr, a kwalunkwe kost. Jiddependi minna jekk inwaqqfuhomx l-iktar kmieni possibli. Ir-Repubblika marida.

Ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 1 t’Awwissu 2021