Min jitwieled tond, ma jmutx kwadru

Uħud ma kienux qed jistennew li Malta tiżdied fuq il-lista l-griża tal-Financial Action Task Force (FATF).  Il-kitba, iżda, ilha fuq il-ħajt għal bosta żmien. Sfortunatament il-linġwaġġ tal-governanza tajba ma jinftiehemx minn kulħadd. B’mod partikolari, min l-unika valur li jifhem fih hu dak tal-flus, ftit li xejn ser jifhem u jagħti kaz.  

Uħud donnhom jgħixu kontinwament fid-dellijiet. Donnhom jippreferu li jinsatru fid-dell tal-kważi anonimità. It-taħwid f’dan it-tip ta’ ambjent hu ferm iktar faċli.

Skond rapporti fil-media, l-awditur intern tal-Awtorità tal-Artijiet,  Charlene Muscat, qed tingħata l-ġemb u ġiet miżmuma milli taqdi r-responsibbiltajiet tagħha. Qed jingħad li dan ilu jseħħ numru ta’ xhur.  Wara li ħejjiet rapport kritiku dwar ħidmet l-Awtorità tal-Artijiet issa ser tispiċċa trasferita x’imkien ieħor fis-servizz pubbliku.  

Charlene Muscat, li kienet ġurnalista mal-One kif ukoll hi ex-Sindku Laburista tal-Imqabba kienet impjegata biex tiffaċilita l-governanza tajba fl-Awtorità tal-Artijiet u dan billi tagħmel il-verifiki interni ta’ ħidmet l-awtorità.  Ġiet miżmuma milli tagħmel xogħolha billi, fost oħrajn ma tħallietx tattendi laqgħat tal-Bord u nżammilha aċċess għall-files meħtieġa biex tagħmel xogħolha. Fi ftit kliem xi ħadd iddeċieda li xogħol l-awditur intern ma kienx iktar meħtieġ. Nifhem dan xi jfisser għax dan għaddejt minnu jiena ukoll f’ċirkustanzi oħra xi żmien ilu.

Dan hu eżempju ieħor ta’ Gvern li jgħid ħaġa u jagħmel oħra: jikkuntrasta ma dak kollu li ntqal dwar il-posizzjoni ta’ Malta fuq il-lista l-griża tal-FATF. Il-Prim Ministru Robert Abela ilu jxerred id-dmugħ tal-kukkudrilli dwar kemm Malta ġiet ittrattata ħażin meta tqegħdet fuq din il-lista l-griża, għax ma ħaqqiex hekk. Imbagħad, fl-istess ħin il-Gvern tiegħu stess jirresisti proċessi ta’ verifika trasparenti, tant essenzjali biex tkun assigurata governanza tajba.  Mingħajr  governanza tajba, trasparenza u kontabilità, ftit hemm ċans li neħilsu minn posizzjoni fuq il-lista l-griża!

L-Awtorità tal-Artijiet twaqqfet ftit wara li tfaċċa l-iskandlu Gaffarena, bħala rimedju għat-taħwid li kien tfaċċa dakinnhar. Għad hemm lok għal bosta spjegazzjonijiet anke dwar dan, għax il-ħolqien tal-Awtorità jidher li ma solviet xejn, għax min jitwieled tond, ma jmutx kwadru.

Dak li kien CEO tal-Awtorità tal-Artijiet, James Piscopo, kien warrab mill-kariga tiegħu ftit inqas minn sena ilu. Il-kuntratt tiegħu ma kienx ġie mġedded, u dan meta bdew jissemmew numru ta’ allegazzjonijiet serji fil-konfront tiegħu.  Kien intqal li t-taqsima tar-reati ekonomiċi fil-korp tal-Pulizija kienet qed tinvestiga numru ta’ transazzjonijiet offshore. Investigazzjoni kumplessa li jekk u meta tkun konkluża setgħet possibilment titfa’ dawl fuq  bosta ħwejjeġ. Dak li kien skrivan mal-Air Malta għad hemm bosta ħwejjeġ x’jispjega!

Iil-qarrejja bla dubju jiftakru x’għadda bejn is-sidien tal-Lukanda Fortina u l-Awtorità tal-Artijiet. Kif art pubblika li oriġinalment ngħatat b’kundizzjonijiet favorevoli għat-turiżmu spiċċat tiġi sviluppata b’mod spekulattiv għal ufiċċini u appartamenti. Żvilupp li qed iwassal għal qliegħ ta’ miljuni, a spejjes tal-kaxxa ta’ Malta. S’issa għad mhux ċar kif dan seħħ u min kien responsabbli biex ippermettieħ. L-Awtorità tal-Artijiet għad trid tispjega x’ġara eżattament.

Fid-dell, kważi mistura, hemm numru ta’ interessi kummerċjali marbutin flimkien. Interessi li nifhem li bdew ifeġġu fuq l-iskrijn tal-komputer ta’ dik li kienet l-awditur intern tal-Awtorità tal-Artijiet. L-ispjegazzjonijiet iżda qatt ma ngħataw.

Meta nħolqot l-Awtorità tal-Artijiet, flok dak li kien id-Dipartiment tal-Artijiet, kien intqal b’ħafna pompa li ser tiddaħħal iktar serjetà fl-amministrazzjoni tal-art pubblika. Ma kienx ser ikollna iktar “King tal-Lands”, għax kollox kien ser jgħaddi f’idejn ir-Repubblika!  Fir-rapporti annwali tal-Awtorità tal-Artijiet hu emfasizzat li din hi mibnija fuq prinċipji sodi: fuq sens ta’ ġustizzja, kontabilità u trasparenza. Probabbilment li dik li kienet awditur intern ma taqbel xejn ma dan!  

ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 4 ta’ Lulju 2021

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s