Fil-lista l-griża: wara snin ma jsir xejn dwar il-ħasil tal-flus

Ċertament li mhux ġust mal-Maltin li l-FATF (Financial Action Task Force) poġġiet lil Malta fuq il-lista l-griża.

Li dħalna fil-lista l-griża hu bla l-iċken dubju ħtija tal-Gvern. L-Opposizzjoni ukoll għandha terfa’ parti mit-tort u dan minħabba li fl-2013 ħalliet warajha istituzzjonijiet dgħajfa. B’istituzzjonijiet dgħajfa l-ħmieġ hu iffaċilitat.

Ilkoll għandna nkunu mnikktin bid-deċiżjoni tal-FATF (Financial Action Task Force) li tpoġġi lill-Malta fuq il-lista l-griża, minkejja li din id-deċiżjoni kienet mistennija.

Il-kelliema tal-Gvern, matul il-ġimgħa, kienu qed jenfasizzaw li ttieħdu ħafna deċiżjonijiet biex jissaħħaħ il-qafa regolatorju. Li ma qalulniex hu li dan sar wara bosta snin ta’ infurzar żero. Li għal snin sħaħ l-awtoritajiet regolatorji bħall-FIAU kellhom fosthom kollaboraturi ta’ kriminali magħrufa, bħal Silvio Valletta, eks-Deputat Kummissarju tal-Pulizija.

Kellna lill-grupp Parlamentari Laburista li irrifjuta li jikkundanna lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri għall-involviment tagħhom fl-iskandlu tal-Panama Papers. Ilkoll kemm huma ikkontribwew biex Malta ġiet inkluża fuq il-lista l-griża.

Tiftakru lil Varist Bartolo fuq Hard Talk jispjega għaliex ivvota favur Mizzi u Schembri? Kienet strateġija biex jissopravivi qalilna (strategy for survival) bit-tama li jkun għadu hemm meta tasal il-battalja li jmiss. Jew forsi tiftakru lill-Leo Brincat jispjega meta kien taħt skrutinju fil-Parlament Ewropew in konnessjoni man-nomina tiegħu għall-Qorti tal-Awdituri? Dakinnhar kien qalilna li ma jridx li jispiċċa eroj għal ġurnata biex imbgħad wara jispiċċa fil-baħħ!

Kellna lill-Kummissarju tal-Pulizija ma jinvestigax każijiet ta’ ħasil ta’ flus għal snin sħaħ. Huwa biss reċentement li Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid għamel l-investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet possibbli.

Sfortunatament, l-azzjoni kontra l-ħasil tal-flus waslet tard. Sadanittant saret ħsara konsiderevoli. Il-kompliċità kriminali tal-Gvern f’dan kollu għamlet ħsara serja lill-ekonomija u lis-soċjetà. Huma dawk fil-livelli ta’ dħul aktar baxx li se iħossu l-biċċa l-kbira ta’ l-impatti negattivi ta’ dan kollu. Dawn jeħtieġu l-empatija tagħna. Dawn għandhom bżonn l-iktar protezzjoni f’dan il-mument.

Il-Gvern, bl-appoġġ tal-Oppożizzjoni, matul is-snin żviluppa “kunsens nazzjonali” dwar is-settur finanzjarju inkluż li jagħmilha possibbli li Malta tintuża bħala ċentru internazzjonali tal-evażjoni tat-taxxa. Flimkien mal-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza dan ikkontribwixxa aktar għat-tkissir tar-reputazzjoni ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni li tista’ tkun afdata.

Xi ħadd jiftakar iċ-ċirkustanzi li wasslu għar-riżenja ta’ Joseph Cuschieri, CEO tal-Awtorità tas-Serviżżi Finanzjarji (MFSA) wara li ż-żjara tiegħu f’Las Vegas ma Yorgen Fenech ġiet għall-attenzjoni pubblika? Il-vjaġġ kien iffinanzjat minn Yorgen Fenech meta Cuschieri kien għadu jmexxi l-Awtorità tal-Logħob li suppost kienet ir-regolatur tal-casino ta’ Yorgen Fenech.  B’regolaturi bħal dawn, kif jista’ jsir l-infurzar?

Dan l-isfreġju sħiħ fuq Malta kien immexxi direttament minn Joseph Muscat u Edward Scicluna, eks-Ministru tal-Finanzi li ġie ppremjat bil-ħatra tiegħu bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Muscat spiċċa. Scicluna għandu bżonn isegwih malajr. Huwa għandu jew jirriżenja jew jitkeċċa minnufih.

Huwa xieraq wkoll li nfakkru li dan it-taħwid kollu kien is-suġġett tal-ġurnaliżmu investigattiv ta’ Daphne Caruana Galizia li nqatlet għall-isforzi tagħha biex tinfurmana u tesponi l-elit kriminali. Intilfet il-ħajja ta’ mara, omm u ġurnalista.

Huwa essenzjali li tittieħed azzjoni immedjata biex tibda terġa’ tinbena r-reputazzjoni ta’ Malta. Dan għandu jinkludi r-revoka immedjata tal-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza u l-għeluq tal-lakuni legali li biddlu lil Malta f’bażi ta’ evazjoni tat-taxxa.

Ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 27 ta’ Ġunju 2021