Il-lista l-griża: x’tistenna wara snin ta’ żero infurzar?

Fi stqarrija wara d-deċiżjoni tal-FATF (Financial Action Task Force) li tpoġġi lil Malta fuq il-lista l-griża tagħha, iċ-Chairperson ta’ ADPD Carmel Cacopardo qal:

“Ninsabu mnikktin bid-deċiżjoni, minkejja li din kienet mistennija.

Matul il-ġimgħa li għaddiet, il-kelliema tal-Gvern kienu qed jenfasizzaw li ttieħedu ħafna deċiżjonijiet biex jissaħħaħ il-qafa regolatorju. Li ma qalulniex hu li dan sar wara bosta snin ta’ infurzar żero. Li għal snin sħaħ l-awtoritajiet regolatorji bħall-FIAU kellhom fosthom kollaboraturi ta’ kriminali magħrufa bħal Silvio Valletta, eks-Deputat Kummissarju tal-Pulizija.

Kellna lill-grupp Parlamentari Laburista li irrifjuta li jikkundanna lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri għall-involviment tagħhom fl-iskandlu tal-Panama Papers.

Kellna lill-Kummissarju tal-Pulizija jirrifjuta li jinvestiga każijiet ta’ ħasil ta’ flus għal snin sħaħ. Huwa reċentement li Kummissarju tal-Pulizija ġdid għamel l-investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet possibbli.

Sfortunatament, l-azzjoni kontra l-ħasil tal-flus waslet tard. Saret ħsara konsiderevoli. Il-kompliċità kriminali tal-gvern f’dan kollu għamlet ħsara serja lill-ekonomija u lis-soċjetà. Huma dawk fil-livelli ta’ dħul aktar baxx li se jħossu l-biċċa l-kbira ta’ l-impatti negattivi ta’ dan kollu. Dawn jeħtieġu l-empatija tagħna. Dawn għandhom bżonn l-iktar protezzjoni f’dan il-mument.

Il-Gvern bl-appoġġ tal-Oppożizzjoni matul is-snin żviluppa kunsens nazzjonali dwar is-settur finanzjarju inkluż is-setup li jagħmilha possibbli għall-użu ta’ Malta bħala ċentru internazzjonali tal-evażjoni tat-taxxa. Flimkien mal-bejgħ tal-iskema taċ-ċittadinanza dan ikkontribwixxa aktar għall-erożjoni tar-reputazzjoni ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni affidabbli.

Dan l-isfreġju sħiħ fuq Malta kien immexxi direttament minn Joseph Muscat u Edward Scicluna, eks-Ministru tal-Finanzi li ġie ppremjat bil-ħatra tiegħu bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Muscat spiċċa. Scicluna għandu bżonn isegwih malajr. Huwa għandu jew jirriżenja jew jitkeċċa minnufih.

Huwa pertinenti wkoll li nfakkru li dan it-taħwid kollu kien is-suġġett tal-ġurnaliżmu investigattiv ta’ Daphne Caruana Galizia li nqatlet għall-isforzi tagħha biex tinfurmana u tesponi l-elit kriminali. Tlifna ħajja ta’ mara, omm u ġurnalista.

Huwa essenzjali li tittieħed azzjoni immedjata biex tibda terġa’ tinbena r-reputazzjoni ta’ Malta. Dan għandu jinkludi r-revoka immedjata tal-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza u l-għeluq tal-lakuni legali li biddlu lil Malta f’bażi ta’ evazjoni tat-taxxa.”