Mela issa kulħadd jaf li Rosianne Cutajar marret tqassam il-larinġ. Mal-larinġ hemm ir-ritratt tagħha, għax il-larinġ tqassam b’messaġġ politiku!
Wieħed jista’ jargumenta, u b’daqshekk? Mela l-larinġ ta’ Rosianne ser jinfluwenza kif ser jivvutaw in-nies? Intendi li naqbel. Imma fl-istess ħin it-tqassim tal-larinġ hu simoliku ta’ kif il-vulnerabbli huma trattati minn uħud mill-politiċi.
Anke l-azzjoni ta’ Repubblika għaldaqstant inqisha bħala waħda simbolika. L-ewwel azzjoni minn sensiela li inevitabilment ser iseħħu matul il-kampanja elettorali li ġejja.
Għax il-problema reali mhux il-larinġ ta’ Rosianne jew il-flixkun tal-inbid ta’ Konrad inkella ir-roly poly ta’ Silvio.
Tul kull kampanja elettorali nisimgħu stejjer tal-biki.
Hemm min infurmani dwar kandidati li ħallsu kontijiet tad-dawl u l-ilma ta’ xi kostitwenti. Hemm min qassam xi fridge jew washing machine.
L-infieq ta’ uħud fl-elezzjonijet hu astronomiku. Imur lil hinn minn dak permissibli.
Il-messaġġ ta’ Repubblika mhux dwar il-larinġ ta’ Rosianne, iżda dwar l-abbuż fl-infieq fil-kampanja elettorali.