Tonio Fenech u l-froġa tal-2006

Tonio Fenech, ex-Ministru tal-Finanzi, reġa’ tfaċċa, f’attività politika li saret fil-Palazz Verdala biex  jgħidilna kif jaħsibha. Qalilna li bl-ambjent ma tirbaħx elezzjonijiet. Imma huwa bil-permessi (tal-bini), żied jgħid, tirbaħ il-voti!   Bil-qdusija artifiċjali tas-soltu jimplika li l-ħsara ambjentali kienet essenzjali biex jintrebħu l-elezzjonijiet! Għax għal Tonio Fenech kull sagrifiċċju jgħodd sakemm iwassal biex tirbaħ l-elezzjonijiet.

Dan mhu xejn ġdid. Il-problema hi li l-kejl sfortunatament hu biss mil-lum għal għada. S’issa ma konniex kapaċi nħarsu fit-tul, biex inqiesu sewwa l-impatt li d-deċiżjonijiet tal-lum għandhom fuq għada u l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Sfortunatament il-politika f’pajjiż tirraġuna: għada min raħ?

Wara li (flimkien ma oħrajn) Tonio Fenech kien responsabbli mhux biss għall-pjani lokali, imma ukoll għall-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni li bih żdiedet sew l-art għall-iżvilupp, issa qed jipprova jimpressjona li qed jindem!   Il-proposta tiegħu li jorbot il-pjani lokali fil-Kostituzzjoni toħloq iktar problemi milli diġa inħolqu!

Il-pjani lokali u strumenti oħra li bihom nippjanaw l-użu tal-art neċessarjament ikunu ta’ wieħed minn żewġ tipi. Jistgħu jkunu ċari u preċiżi, bil-konsegwenza li għax rigidi jkun jeħtieġilhom tibdil regolari biex jirriflettu realtajiet u żviluppi ġodda.  Inkella jkunu ġeneriċi u jkun jiddependi mill-interpretazzjoni tagħhom u l-integrità ta’ min iħaddem il-proċess kollu.

Kull possibilità hi dipendenti fuq l-integrità u l-viżjoni ta’ dawk involuti fil-fażijiet differenti li jwasslu sad-deċiżjonijiet.  Ma hemmx spjegazzjoni oħra: qegħdin f’nofs din il-froġa minħabba li Tonio Fenech u sħabu kienu bla viżjoni.  Inżid ngħid li b’mod konxju inkarigaw bil-proċess deċiżjonali numru ta’ persuni li ma kellhomx idea tal-impatt fit-tul ta’ dak li kienu qed jagħmlu. Kien jinteresshom biss mill-impatti immedjati: il-voti u l-elezzjonijiet kienu l-miri ewlenin tagħhom. Ġew jaqgħu u jqumu mill-ġid komuni.

F’dan kollu nifhem li l-integrità tfisser li tkun onest, b’subgħajk dritt, ta’ prinċipju. Kwalitajiet li huma nieqsa mill-pjani lokali.

L-ippjanar dwar l-użu tal-art huwa aspett importanti minn dak meħtieġ għall-ħarsien ambjentali: dan mhux konċernat biss mir-realtajiet tal-lum.  Jagħti sura lill-futur u jfassal il-qafas li fih jiżviluppaw il-ġenerazzjonijiet futuri. F’dan il-kuntest Il-korruzzjoni tal-ambjent biex jintrebħu l-elezzjonijiet billi jitqassmu l-permessi tal-iżvilupp bħall-pastizzi hi l-agħar azzjoni possibli, nieqsa minn kwalunkwe ħjiel ta’ integrità.  Dan hu l-kontribut sinifikanti tat-tim tal-2006 fil-politika Maltija lill-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.  Għaddew ħmistax-il sena minn meta Tonio Fenech u ta’ madwaru fl-2006 ħolqu din il-froġa ambjentali. L-impatti illum tad-deċiżjonijiet ta’ ħmistax-il sena ilu huma enormi. Sfortunatament ma hemm ħadd fil-Parlament illum li għandu l-kuraġġ li jibda it-tiswija u t-tindifa bis-serjetà tal-ħsara li ilha takkumula għal 15-il sena.

U issa? Sakemm jibqgħu jiġu eletti l-istess tip ta’ nies fil-Parlament ma hu ser jiġri xejn. Għad għandna bosta  li jiġu jaqgħu u jqumu mill-ħsara ambjentali, sakemm din tasal wara l-bieb tagħhom.  Huwa biss meta lkoll nirrealizzaw li l-vantaġġi immedjati għall-ftit ifissru tbatija fit-tul għal kulħadd li nkunu nistgħu nagħmlu l-ewwel passi fit-triq tal-fejqan.

Irridu nkunu kapaċi nifhmu kif dak li nagħmlu illum għandu effett fuq is-7 ġenerazzjonijiet li jiġu warajna. Dan nistgħu nagħmluh billi nqisu sewwa d-deċiżjonijiet u l-imġieba kollha tagħna. Ma jista’ jkun hemm l-ebda eċċezzjoni.  

ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 13 ta’ Ġunju 2021