Hu diffiċli biex nemmen li Carmelo Abela kien involut jew b’xi mod assoċjat mal-attentat tas-serqa tal-HSBC Ħal-Qormi.
Il-fatt li hu avversarju politiku ma jagħmlux kriminal.
Il-fatt li ma naqblux fuq diversi aspetti tal-politika ma jiġġustifikax dak li qed jingħad dwaru.
Dan ma jnaqqas xejn mill-gravità tal-allegazzjoni ta’ Ċensu Muscat, il-Koħħu, li għandha tibqa’ tkun investigata bir-reqqa.
Jibqa’ mistoqsija waħda, għalissa. Carmelo Abela għandu jirriżenja jew le minħabba din l-allegazzjoni? Riżenja, f’dawn iċ-ċirkustanzi tfisser azzjoni biex tnaqqas il-ħsara li din l-allegazzjoni qed tagħmel lis-sistema politika. Mhux ħsara lill-Labour jew lill-PN imma lill-pajjiż kollu.
Li tirriżenja f’dawn iċ-ċirkustanzi mhux dikjarazzjoni ta’ ħtija, iżda dikjarazzjoni ta’ irġulija. Ma saritx, u probabbilment ma issirx minħabba li fil-politika Maltija ma hawnx serjetà. Kieku kella issir malajr jibda jingħad (bla ġustifikazzjoni): qed tara kif għandu x’jaqsam.
Il-klima politika f’dan il-pajjiż, sfortunatament, ma tħallix lil Carmelo Abela jaqbad it-triq tal-irġulija. Li beda l-passi legali kontra l-kummenti dijaboliċi ta’ Jason Azzopardi kien about time. Imma dak biss mhux biżżejjed.