It-taħwid fl-Awtorità tal-Ippjanar

Qatt ħsibt ftit dwar kif inhu possibli li r-regolatur tal-ippjanar tal-użu tal-art f’Malta jinsab fl-istat ta’ taħwid li qiegħed? Ħarsu ftit lejn il-proċeduri kriminali li għaddejjin bħalissa dwar il-ħasil tal-flus. Wieħed mill-akkużati hu Matthew Pace li sa ftit ilu kien membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. Spettur tal-Pulizija li kien qed jixhed fil-każ iddeskrivieh bħala professjonist tal-ħasil tal-flus:  a professional money launderer.

Ftit jiftakru li f’Ġunju 2018 kellna aħbar li l-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) kienet immultat lil  Matthew Pace is-somma ta’ €38,750 minħabba li ma segwiex il-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus meta kien qed jieħu ħsieb l-investimenti tal-klijent tiegħu Keith Schembri. Dan kien fatt magħruf. Mid-dehra l-Gvern kien kuntent bih, għax ma għamel xejn dwaru. Qiesu ma ġara xejn.

Ikun interessanti nkunu nafu jekk il-konsulent legali tal-Awtorità tal-Ippjanar, ċertu Dr Robert Abela, ġibitx l-attenzjoni tal-Awtorità dwar il-ħtieġa li taġixxi dwar dan. Jekk le, forsi l-istess Dr Robert Abela bħala l-konsulent legali ta’ Joseph Muscat ġibidlu l-attenzjoni dwar dan? Ma smajna xejn dwar dan kollu.  ilkoll kompromessi. Governanza tajba? U mhux hekk tgħid.

Matthew Pace għamel snin membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. Kien biss wara l-każ ċar ta’ kunflitt ta’interess tiegħu  fil-każ tal-applikazzjoni ta’żvilupp mill-Grupp dB f’Pembroke li kien sfurzat jirreżenja u dan wara pressjoni pubblika minn ambjentalisti. Ngħid li kien “sfurzat” għax wara li l-Qorti annullat il-permess mogħti lill-Grupp dB fuq il-kunflitt ta’ interess ta’ Matthew Pace hu kien għall-ewwel irrifjuta li jwarrab. Kien ippruvat li huwa ħa sehem fil-laqgħat li wasslu għal deċiżjoni dwar il-permess tad-dB f’Pembroke, u ivvota favur din l-applikazzjoni.  Fl-istess ħin kellu interess f’aġenzija tal-propjetà li kienet qed tbiegħ  partijiet minn dan l-iżvilupp sa minn qabel mal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, bil-vot tiegħu stess favur, approva din l-applikazzjoni! Dik governanza tajba. Dik imġieba korretta!

Din hi l-Awtorità tal-Ippjanar. Sfortunatament il-membri l-oħra tal-Bord huma ukoll effettwati minħabba l-assoċjazzjoni tagħhom miegħu.  Iridu jgħaddu snin kbar qabel mar-regulatur jirkupra minn dan.

Imma hemm iktar minn hekk.

Ambjentalisti skoprew, kważi b’kumbinazzjoni, li c-Chairman attwali tat-Tribunal ta’ Reviżjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar  (EPRT) li jisma’ appelli dwar każijiet ta’ ippjanar tal-użu tal-art u oħrajn dwar l-ambjent huwa ukoll impjegat tal-Awtorità tal-Ippjanar.  Presentement qiegħed b’leave bla ħlas mill-impjieg normali tiegħu mal-Awtorità tal-Ippjanar bid-dritt li jmur lura għall-impieg normali tiegħu hekk kif tintemm il-ħatra tiegħu bħala Chairperson tat-Tribunal.  

Kif jista’ impjegat tal-Awtorità tal-Ippjanar jikkunsidra appelli minn deċiżjonijiet li jieħu min jimpjegah? Dan imma hu dak li jagħmel kuljum ic-Chairman tal-EPRT.  L-anqas jekk jipprova ma qatt jista’ jkun imparzjali. Imma meta inġibditlu l-attenzjoni dwar dan ma qabilx li s-sitwazzjoni partikolari tiegħu titfa dell fuq l-imparzjalità tiegħu meta jiddeċiedi dwar kazijiet tal-ippjanar dwar l-użu tal-art. Fl-aħħar ser tkun il-Qorti li jkollha tiddeċiedi u l-ħsara li tkun saret sadanittant ser tkun waħda kbira.

It-taħwid, kif qed taraw, hu kbir. B’dawn in-nuqqasijiet etiċi ħadd m’għandu jiskanta li l-proċess dwar l-użu ta’ l-art tilef kull kredibilità.  

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s