Fi tmiem il-ġimgħa tellajt fuq facebook meme dwar Keith Schembri u Joseph Muscat b’messaġġ wieħed, ċar u sempliċi. Ritratt ta’ Keith Schembri bil-kliem segwenti: jiena nemmen f’Joseph, għax Joseph jemmen fija.
Dan kien messaġġ politiku qawwi dwar il-ħidma politika tal-Partit Laburista f’dawn l-aħħar snin. Il-metodi operattivi ta’ Keith Schembri, li issa, bħala riżultat tal-ħidma tal-Pulizija ħarġu fil-beraħ, saru l-metodi operattivi tal-Partit Laburista.
Dan sar taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat. Imma, tajjeb li niftakru li t-tmexxija ta’ Robert Abela hi waħda ta’ “kontinwità” ma dik tal-predeċessur tiegħu. Ir-responsabbiltà politika ta’ dak li għaddej bħalissa trid tintrefa mill-Partit Laburista u minn Robert Abela ukoll u mhiex biss ta’ Joseph Muscat.
Dan il-messaġġ wasal u nftiehem sewwa u għalhekk daħlu kwantità kbira ta’ reazzjonijiet li ħallejthom kollha fuq il-paġna tiegħi. Huma reazzjonijiet ta’ nies li filwaqt li huma konxji tat-tajjeb li għamel il-Partit Laburista fil-Gvern iridu jaħarbu mill-ħmieġ kollu li ħiereġ.
Sodisfatt li lil hinn mill-insulti li rċevejt, il-messaġġ wasal b’mod mill-iktar ċar.
Grazzi lil kull min ħa sehem.