……….. u wara, marru jieħdu tazza te!
Jiġifieri, qiesu ma ġara xejn. Hekk jirrakkonta l-Koħħu. Il-bomba splodiet, u wara marru jieħdu te u qagħdu jisimgħu l-aħbarijiet ħa jaraw x’ġara. Bir-reazzjoni li kien hemm dehrilhom li ma marrux tajjeb, setgħu talbu iktar!
Issa qed jgħidulna li l-aħwa Degiorgio ukoll iridu jikxfu. Bil-maħfra jikxfu ħafna iktar, qalu. Anke Ministru tal-lum u ex-Ministru.
L-istorja jidher li imħawda waħda sewwa. L-ismijiet ta’ dawn il-Ministri ilhom jissemmew.
Fil-fatt ilu jingħad li possibilment kien hemm żewġ kuntratti ta’ qtil. Wieħed li dwaru qed nisimgħu bħalissa x-xhieda fil-Qorti u ieħor. Jidher li l-aħwa Degiorgio jista’ jkollhom informazzjoni fuq il-kuntratt l-ieħor li fih qed jgħidu li hemm ex-Ministru involut. Issa ex-Ministri ma hemmx ħafna, jiġifieri mhux diffiċli biex wieħed ikollu idea x’qed jippruvaw jgħidu.
Hi gravi ukoll l-informazzjoni dwar dak li għadu Ministru li s’issa għalkemm ismu ma issemmiex kulħadd jaf għal min qed jgħidu.
Issa x’ser jiġri? Id-Degiorgio jrid ikanta. X’ser jagħmel il-Ministru u l-ex? Imorru jieħdu te ħdejn it-tinda tal-patata!