Għaliex il-Pulizija aġixxiet issa? L-apoloġisti tal-Labour ilhom is-siegħat jeqirdu li dan hu prova ta’ kemm l-istituzzjonijiet jaħdmu. Fir-realtà hu propju prova bil-maqlub. Prova ta’ kemm l-istiutuzzjonijiet ma ħadmux meta kellhom. Kemm kellhom ikunu sfurzati biex jiċċaqilqu u jaħdmu.
L-istituzzjonijiet iċċaqilqu illum. Iċċaqilqu għax ħareġ rapport (anzi tnejn) minn Maġistrat u dan fuq talba ta’ Simon Busuttil li 4 snin ilu ġibed l-attenzjoni tal-Qorti għall-provi li kellu (dawk li kienu fil-kaxxi “vojta”). U l-Qorti ħadet 4 snin.
Dan xogħol li messha għamlitu l-Pulizija 4 snin ilu. Imma ma għamlitux.
Messha għamlitu l-FIAU u m’għamlitux.
Messu iċċaqlaq l-Avukat Ġenerali. Imma baqa’ sieket.
Kellna dawn kollha li m’għamlux dmirhom. Uħud dawru wiċċhom. Oħrajn għalqu għajnejhom. Kellna min ipprefera jirreżenja flok jiffaċċja r-realtà u jagħmel dmiru.
Issa l-Pulizja iċċaqilqet. Għax sfurzata mir-rapporti tal-Maġistrat.
Għax mhux biżżejjed li għandna l-istituzzjonijiet. Jekk jimtlew b’irġiel u nisa dgħajfa, qegħdin hemm għalxejn, kif kienu hemm għalxejn għal bosta snin.