Bħalissa għaddejjin bosta kummenti online dwar l-industrija tal-kostruzzjoni u dan fid-dawl tal-abbozz ta’ liġi dwar l-awtorità li ser tirregola l-industrija tal-bini presentment quddiem il-Parlament.
Huwa tajjeb li nkun ċar dwar dak li qed nitkellmu. Is-suġġett hawn mhux l-iżvilupp, il-politika dwar l-użu tal-art inkella l-impatti ambjentali fihom infushom. Is-suġġett hu l-industrija tal-bini. L-industrija tal-bini mhux l-iżviluppaturi. Anzi l-iżviluppaturi huma l-klijenti tal-industrija tal-bini!
Li l-industrija tal-bini tkun regolata aħjar huwa mhux biss meħtieġ imma essenzjali. Madwar sentejn ilu kont tkellimt dwar dan hekk kif kienet ippubblikata l-White Paper dwar is-suġġett.
Ma hemmx bżonn li l-MDA, l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, tkun fuq il-Bord ta’ din l-awtorità minkejja l-isforz imqanżah ta’ Herman Schiavone, istigat bla dubju mill-iġbid tal-ispag ta’ Sandro. Hi l-industrija tal-kostruzzjoni li teħtieġ li tipparteċipa fil-proċess u mhux il-lobby tal-iżviluppaturi. L-industrija tal-kostruzzjoni u l-lobby tal-iżviluppaturi anke jekk huma relatati mhumiex l-istess ħaġa: huma differenti u jeħtieġu li jkunu regolati b’metodi addattati għall-qasam tagħhom.
Nifhem li l-iżviluppaturi, bħall-periti u ħafna setturi oħra jeħtieġu industrija tal-kostruzzjoni organizzata, attentat u fuq kollox imħarrġa. Din l-awtorità bla dubju tista’ tkun il-mutur dwar dan kollu. Jeħtieġ ukoll li tkun trasparenti u ma tantx jidher li ser tkun mill-abbozz li ġie ippreżentat s’issa.
Jeħtieġ ukoll li titħalla taħdem. L-intervent ta’ Sandro biex idaħħal imnieħru mhux ta’ ġid, għax hemm mhux postu.