Co-option flok Gavin Gulia

Ir-riżenja ta’ Gavin Gulia minn membru parlamentari, ftit minuti wara li ħa l-ġurament tal-ħatra, hi kemmxejn stramba. S’issa mhux magħruf x’inhuma r-raġunijiet għal din ir-riżenja. Ma rridx noqgħod nispekula dwarhom jew inkella inżejjen b’aġġettivi lil min jista’ jkun involut f’dak li bla dubju ġara wara l-kwinti.

Gavin Gulia mhux l-ewwel membru parlamentari li rriżenja b’dan il-mod. Qablu kien hemm it-Tabib Peter Micallef li irriżenja biex jiġi co-opted Adrian Delia. Anke Micallef irriżenja ftit minuti wara li ħa l-ġurament tal-ħatra.

Meta l-proċedura tal-co-option tintuża b’dan il-mod, il-votant ikun qiegħed jingħata bis-sieq. Għax il-votant ikun għamel għażla u din l-għażla tkun qed tkun skartata kapriċċjożament favur min ma kellux id-diċenza jikkontesta l-elezzjoni ġenerali.

Wasal iż-żmien li r-regoli li diġa jeżistu dwar il-co-options ikunu segwiti. L-Att dwar L-Elezzjonijiet Ġenerali (General Elections Act) jipprovdi ir-regola bażika dwar il-co-option fl-Iskeda 13 tiegħu.

L-artiklu 22 (2) ta’ din l-iskeda jgħid hekk : Meta  jiġi  biex  jimtela  l-post  ta’  Membru  bil-għażla, għandhom jitqiesu li kemm jista’ jkun, ikun hemm l-istess interessi u fehmiet li kien jidher għalihom u li kellu dak il-Membru illi postu jkun tbattal. (bl-Ingliż: In filling a vacancy by co-option, regard shall be had to the representation as nearly as may be of the interests and opinions represented and held by the vacating Member.)

Tiftakru x’pogrom kien inqala’ meta l-Eżekuttiv tal-PN kien għażel li flok il-Membru Parlamentari Għawdxi David Stellini jagħmel co-option ta’ Jean-Pierre Debono li ma kellu x’jaqsam xejn mad-Distrett Għawdxi? L-Eżekuttiv tal-PN kellu jagħmel U-turn u eventwalment għażel lill-Għawdxi Kevin Cutajar.

Il-liġi jiġifieri diġa tipprovdi li l-partiti m’għandhomx id-dritt jagħmlu li jridu meta jkun hemm ħtieġa ta’ co-option imma għandhom limitazzjonijiet ċari li sfortunatament rari ħafna ġew osservati.

Issa nistennew u naraw x’ser jiġri meta tittieħed deċiżjoni dwar il-co-option flok Gavin Gulia.