Il-pandemija u l-kummerċ tal-Milied

Bħala riżultat tal-pandemija Covid-19, dan il-Milied ser ikun wieħed differenti minn dawk li ġew qablu.  Normalment il-Milied  huwa ż-żmien meta  nissoċjaliżżaw iktar mill-bqija tas-sena. Żmien li fih niltaqgħu iktar mal-ħbieb u mal-familjari. Huwa ż-żmien li fih hu normali li niltaqgħu fi gruppi għal attivitajiet differenti.  

Dan hu kompletament bil-maqlub tal-mod kif issa jeħtieġ li naġixxu biex nikkumbattu kontra l-coronavirus. Li nnaqqsu drastikament u possibilment nevitaw il-kuntatti tagħna hu l-minimu meħtieġ f’dawn iċ-ċirkustanzi biex tonqos l-imxija tal-coronavirus.  Bosta minna hekk jagħmlu, minkejja li l-Gvern kontinwament jagħtina sinjali konfliġġenti.   

Wieħed minn dawn is-sinjali konfliġġenti ngħata waqt il-konferenza stampa biex ikun imniedi  Christmas in the City iktar kmieni din il-ġimgħa. Il-Ministri  Josè Herrera u Julia Farrugia-Portelli, imwieżna miċ-Chairman tas-Super One Jason Micallef, u oħrajn, tkellmu dwar il-ħinijiet tax-xiri u dwar kemm ser ikun faċli l-parking għal min jitħajjar imur il-Belt biex jixtri r-rigali tal-Milied. L-ispirtu tal-Milied xejn ma jiddependi mis-siegħat ta’ xiri fil-ħwienet. L-anqas ma jiddependi minn kemm ikollna aċċess faċli għall-parking.  

Is-sinifikat propju tal-Milied hu tal-istaġun tas-solidarjetà li fiċ-ċirkustanzi preżenti, maħluqa mill-pandemija, hu importanti iktar minn qatt qabel.

Fl-istess ħin li l-Ministri Herrera u Farrugia-Portelli kienu kienu qed jitkellmu dwar Christmas in the City, epidemologisti kienu qed iwissuna li matul ix-xahar ta’ Diċembru r-rata tal-imwiet f’Malta mill-Covid-19 mistenni li tiżdied bi tlett darbiet: minn żewgt imwiet kuljum għal sitta kuljum. In-numru tal-imwiet mill-Covid-19 diġa żdied b’mod konsiderevoli sa minn meta tnaqqsu r-restrizzjonijiet f’Lulju li għadda. Fil-ħin li qed nikteb in-numru ta’ mwiet ħtija tal-Covid-19 laħaq il-108, u sa x’ħin dan l-artiklu jinqara n-numru sfortunatament ikompli jikber.

Fid-dawl ta’ dan ma jagħmilx sens li tistieden lin-nies biex jinżlu l-Belt għax-xiri tar-rigali tal-Milied. Huwa l-waqt li nagħmlu eżatt bil-maqlub:  innaqqsu l-moviment tan-nies bit-tama li dan jgħin fit-trażżin tal-pandemija.  Huwa dan li messu qed iħeġġeġ il-Gvern.

Ikoll nirrikonoxxu li l-pandemija kellha impatt qawwi u negattiv fuq l-għixien ta’ bosta.  Is-setturi tal-ikel u tal-ospitalità  kellhom sfida qawwija matul ix-xhur tas-sajf. Iż-żmien meta normalment imorru tajjeb, kien iż-żmien meta qalgħu l-ikbar daqqa.  Iktar ma noqorbu lejn il-Milied mhux talli l-pandemija ma naqqsitx, talli donna iktar irrankat. L-irkupru ekonomiku jidher li għad baqalu.

In-numru ta’ dawk li qed ikunu infettati qiegħed jikber.  Fl-istess ħin lkoll nifhmu li l-iskop wara x-xewqa li jkunu mħajra n-nies lejn il-Belt u ċ-ċentri kummerċjali hi motivata mill-ħtieġa tad-dinja tal-kummerċ biex ittaffi d-daqqa li qalgħet billi tipprova issarraf ftit mill-kummerċ li normalment jiġġenera l-Milied. Il-konsiderazzjonijiet ta’ saħħa, imma, għandhom dejjem jibqgħu l-prijorità: issa mhux iż-żmien li jkunu nkoraġġiti l-ebda tip ta’ celebrazzjonijiet.  Flok ma ninkoraġixxu lin-nies biex tersaq lejn ic-ċentri kummerċjali l-Gvern għandu jkun fuq quddiem biex iħeġġeġ l-attenzjoni u prudenza. Mhux Ministru wieħed, imma l-Gvern kollu! Il-vouchers, l-għotjiet, l-għajnuniet u s-supplimenti għall-pagi li l-Gvern qed iqassam f’isimna lkoll, wara kollox, għandhom l-iskop li jtaffu dan il-piz li nħoloq bħala riżultat tal-pandemija.

Għalfejn f’dan il-mument kritiku narmu l-kisbiet li ġibna bis-sagrifiċċji ta’ bosta? Għax huwa dan li nkunu qed nagħmlu kull meta jingħata ħjiel li wara kollox tajjeb li ninġabru u niċċelebraw. Issa mhux il-waqt għal dan.

Il-Covid-19 mhux ser joqtol il-Milied jekk inqas nies jixtru ir-rigali! L-ispirtu tal-Milied ma jitkejjilx  mill-volum ta’ rigali li jinxtraw imma minn kemm aħna kapaċi nkun solidali mal-vulnerabbli tal-lum.

U issa?

L-ikbar att ta’ solidarjetà, bħalissa, hu li harsu lill-vulnerabbli fostna billi nimxu mad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa intenzjonati biex iżommu lill-pandemija milli tkompli tixtered.  Il-vaċċin jidher li hu fil-qrib. Dan inissel tama li possibilment matul l-ewwel nofs tas-sena l-ġdida nibdew l-ewwel passi fil-mixja bil-mod lejn in-normalità.  

Imma sadakinnhar hu obbligu tagħna li nħarsu kemm lilna nfusna kif ukoll lil ħaddieħor b’imġieba prudenti. Din hi s-solidarjetà prattika li dan l-istaġun tal-Milied jistenna minn għandna.

Ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 22 ta’ Novembru 2020

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s