Ambaxxati b’daqs ta’ raħal

L-ambaxxata Amerikana nbniet 9 snin ilu fuq medda kbira ta’ art f’ Ta’ Qali li nxtrat mingħand il-Gvern Malti għas-somma ta’  €14.6 miljuni. L-ambaxxata f’Ta’ Qali hi mibnija fuq art b’qies ta’ madwar 4 ettari, jiġifieri 40,000 metru kwadru.

Iktar kmieni din il-ġimgħa l-Awtorità tal-Ippjanar approvat permess ta’ żvilupp biex tinbena ambaxxata Ċiniża f’Pembroke fuq art b’qies ta’ madwar 2 ettari, jiġifieri 20,000 metru kwadru.  

Għalkemm il-kumpless tal-ambaxxata Ċiniża ser ikun madwar nofs fid-daqs meta mqabbel ma dak Amerikan f’Ta’ Qali xorta hu kbir wisq. L-art li fuqha ser jinbena dan il-kumpless inxtrat mingħand il-Gvern Malti għas-somma ta’ €7,880,000.

Għalfejn dawn il-pajjiżi barranin qed jitħallew jibnu l-ambaxxati tagħhom fuq art daqshekk kbira?  Jekk verament jeħtieġu dan l-ispazju għaliex ma ġewx imħajra biex jirrestawraw xi bini qadim, preferibilment storiku, b’benefiċċju għall-komunità Maltija?

Kemm ser indumu ma jkollna xi talba oħra għall-iżvilupp ta’ kumpless ieħor għal ambaxxata enormi? Forsi mill-Federazzjoni Russa?

Id-dibattitu pubbliku dwar l-Università Amerikana f’Malta suppost li għamel lil ħafna nies iktar konxji. Imma jidher li ma tgħallmu xejn mid-dibattitu pubbliku li wassal biex l-unika parti ta’ din l-Univeristà li illum qed tiffunżjona qegħda flok it-tarżna f’Bormla. Il-bini storiku li kien jifforma parti mit-tarżna ta’ Bormla, l-imħażen tal-Kavallieri tas-sbatax-il seklu u l-workshops tal-Ammiraljat Ingliż tad-dsatax-il seklu ġew restawrati u ħadu ħajja ġdida. Dan kollu issarraf f’ġid ambjentali għall-pajjiż kollu u l-ħarsien ta’ art f’Marsaskala minn żvilupp li kien jeqridha.

Jekk nistaqsu għaliex dawn l-ambaxxati kbar, daqs raħal, qatt m’hu ser ikollna tweġiba onesta. Għax hu ovvju li apparti x-xogħol konsulari normali u l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet tajba mad-dinja tan-negozju u mal-komunitajiet lokali, fir-realtà, dawn l-ambaxxati huma “widna” iffukata biex tisma’ dak li qed jiġri fir-reġjun tal-Mediterran.

Uħud iħobbu jiddeskrivu kemm lill-iStati Uniti kif ukoll lir-Repubblika Ċiniża bħala ħbieb kbar ta’ Malta. Ir-realtà hi ftit differenti. Hu prinċipju bażiku tal-politika barranija li l-pajjiżi m’għandhomx ħbieb, għandhom biss interessi! Ir-relazzjonijiet diplomatiċi, imbagħad, iservu biex iġibu l-quddiem dawn l-interessi!

Il-posizzjoni ta’ Malta fil-Mediterran tagħmilha idejali bħala ċentru fejn tisma’ u tosserva. Dan, hu interess ewlieni li minħabba fih kemm l-Istati Uniti kif ukoll ir-Repubblika Ċiniża għandhom bżonn spazju kbir.

Id-dibattitu riċenti dwar il-possibiltà ta’ ftehim li jirregola l-militar Amerikan f’pajjiżna (Status of Forces Agreement : SOFA) hu indikattiv. Il-kummenti li smajna u qrajna jagħtu idea żgħir ta’ dak li kien għaddej madwar il-mejda.  

F’pajjiżi kbar, ambaxxati kbar jistgħu jagħmlu sens. Imma Malta, tista’ tgħaddi mingħajrhom. M’għandniex bżonn ambaxxati kbar biex intejbu r-relazzjonijiet mal-Istati Uniti jew iċ-Ċina.

L-ambaxxata tal-Istati Uniti f’Ta’ Qali issa ilha mibnija u ilha topera 9 snin. Imma l-ambaxxata Ċiniża għadha fuq il-pjanta. MInkejja li għadha kif ġiet approvata l-ambaxxatur Ċiniż għad għandu ħin biex jaħseb ftit dwar kif jista’ jindirizza n-nuqqas ta’ spazju li għandu mod ieħor. Jista’ jikunsidra r-riabilitazzjoni ta’ bini qadima, possibilment bini storiku minflok ma jibni ambaxxata daqs raħal.  

Jekk jagħmel hekk ikun qed jittrasforma problema f’opportunità.

Qatt mhu tard, sur Ambaxxatur.

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 1 ta’ Novembru 2020

Il-Koħħu u l-Kabinett ta’ Robert Abela

Mhux diffiċli biex tasal għall-isem tal-persuna fil-Kabinett ta’ Robert Abela li dwarha qed issir l-allegazzjoni mill-Koħħu. L-allegazzjoni hi serja ħafna: allegazzjoni li membru tal-Kabinett kien involut fl-ippjanar ta’ delitt.

Li allegazzjoni ta’ din ix-xorta tkun investigata bla dewmien hu essenzjali mhux biss għax is-serjetà hekk titlob imma fuq kollox għax hu ħażin li l-integrità ta’ persuna fil-ħajja pubblika titħalla tiċċappas b’dan il-mod u qiesu ma ġara xejn.

Ma nafx jekk hemmx raġunijiet biżżejjed biex il-Koħħu jingħata l-proklama. Imma hu fl-interess ta’ kulħadd li ma jkollniex persuni fil-ħajja pubblika b’dawn id-dellijiet.

Gvern serju kien jindirizza din l-allegazzjoni f’ħin qasir u kien jagħti sodisfazzjon pubbliku b’mod immedjat.

Dak li ġie allegat dwar membru tal-Kabinett involut fl-ippjanar ta’ delitt għadu mhux miċħud. Kull minuta li tgħaddi bla ċahda hi daqqa ta’ ħarta lill-membri kollha tal-Kabinett.