Tweġiba lill-Professur Alan Deidun

Alan Deidun għoġbu jwieġeb l-artikli tiegħi tal-Ħadd li għadda fuq l-Independent on Sunday u fuq l-Illum. Wieħed minnhom , dak fuq l-Independent on Sunday huwa riprodott fuq dan il-blog. L-artiklu tiegħu hu intitolat ‘C’ is for Cacopardo, not for collegiality ………

Fl-artikli tiegħi jiena ġbidt l-attenzjoni li l-Professur Alan Deidun għandu konflitt ta’ interess meta filwaqt li huwa membru tal-Bord tal-ERA, r-regolatur ambjentali, fl-istess ħin kien involut fit-tfassil ta’ wieħed mir-rapporti tekniċi li jiffurmaw l-EIA dwar il-propost inċineratur fil-Magħtab.

It-tweġiba tiegħu dehret illum fl-Independent on Sunday u ser inwieġbu fl-qosor illum.  Imma għandu jisma’ iktar dettalji dwar l-EIA tal-inċineratur matul il-ġimgħa u dan billi nhar l-Erbgħa li ġej 21 t’Ottubru jagħlaq il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-EIA fuq il-proposta ta’ żvilupp ta’ inċineratur. Sadakinnhar ser nippreżenta bil-miktub lill-ERA, bħala parti minn dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika numru ta’ osservazzjonijiet dwar l-istess EIA, inkluż dwar l-istess Professur Alan Deidun.

Ser nillimita ruħi għall-argumenti u għalissa ser ninjora l-insulti u l-paroli vojt tal-Professur.

Deidun mhux l-uniku wieħed li waqt li jifforma parti minn awtorità regolatorja jissottometti studji għall-konsiderazzjoni tal-awtorità li jifforma parti minnha. Qablu kellna oħrajn. Din hi prattika li mhix aċċettabbli u għandha bżonn tieqaf. Ilha tiġi ikkritikata u hemm bżonn tieqaf malajr kemm jista’ jkun.

Immaterjalment minn kemm jagħmel rapporti: jekk hux wieħed jew mija ma tagħmilx differenza. Deidun u oħrajn għandhom bżonn li jifhmu illi meta taċċetta ħatra fuq awtorità regolatorja din l-aċċettazzjoni inevitabilment teffettwa l-ħidma professjonali tiegħek. L-impatt, in parti jiddependi mill-integrità tiegħek.

Tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li fil-każ ta’ Manoel Island riċentement, f’Ġunju 2020, ġie annullat permess ta’ żvilupp minħabba li wieħed minn dawk involuti fit-tfassil tal-EIA kellu konflitt ta’ interess.

Fit-tweġiba tiegħu Deidun ħass li kellu jagħmel referenza għal xogħol professjonali tiegħi ma diversi Kunsilli Lokali. Konvenjentement Deidun nesa’ li jiena ma niffurma parti minn l-ebda korp regolatorju u għaldaqstant il-ħidma professjonali tiegħi mhiex limitata bħal tiegħu.

Fl-aħħarnett Deidun jgħid li ma jmissnix ikkritikajtu għax hu ambjentalist bħali. Jibqa’ l-fatt li Deidun mexa fuq il-passi ta’ dawk li mxew ħażin. Mingħajr ma nnaqqaslu l-mertu dwar fejn ħadem tajjeb, daqstant ieħor jixraqlu l-kritika iebsa, limitata fuq dan il-kaz.

Sfortunatament l-attitudni tal-Professur Deidun, u ta’ oħrajn li aġixxew bħalu, tagħmel ħsara kbira lill-istituzzjonijiet regolatorji. Jekk iwarrab jew jitwarrab minn fuq il-Bord tal-ERA, aħjar għal kulħadd.

2 comments on “Tweġiba lill-Professur Alan Deidun

  1. Kemm hu konvenjenti Carmel li tapplika r-riga li hi komda għalik biss……tgħorkok għajnejk għax xi ħadd għandu post f’enti regolatorju, imma mhux li mexxi partit politiku…..x’ipokrezija manja! Bħal dak li qallu l-politiku jista jagħmel konsulenza privata…..xi travu għandek f’għajnejk u li qiegħed tagħzel li tinjora! Barra minn hekk, qiegħed turi li m’għandekx fiduċja fil-professjonalita’ tan-nies, l-istess nies li taspira għal vot tagħhom…insomma, kontradizzjoni waħda wara l-oħra…..mhux ser nkompli naħli ħin miegħek għax donnok għandek ħafna minn dan x’taħli!

    • Qed nippubblika dak li qed jgħid Alan Deidun, minkejja li wara li qrajtha din tikkwalifika għal trattament wieħed “trash”.
      Deidun qed jgħid hekk: “Bħal dak li qallu l-politiku jista jagħmel konsulenza privata…..xi travu għandek f’għajnejk u li qiegħed tagħzel li tinjora!”
      Minn fejn ġiebha din?
      L-anqas li kieku nitħallas talli immexxi partit politku ma jirriżulta dak li qed jgħid Alan Deidun, aħseb u ara meta tqis li xogħoli hu kollu volontarju!
      Jiena qiegħed nagħmel ix-xogħol professjonali tiegħi meta nassisti persuni u Kunsilli Lokali f’materji li għandhom x’jaqsmu mal-ippjanar tal-użu tal-art jew tal-ambjent, inkluż li f’isimhom nagħmel sottomissjonijiet li jkunu meħtieġa. Jiena mhux membru tal-ebda awtorità regolatorja u għaldaqstant m’hemmx xi jżommni milli nagħmel dan.
      Ma nafx minnfejn iġibhom dawn l-ideat il-professur!

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s