Alan Deidun għoġbu jwieġeb l-artikli tiegħi tal-Ħadd li għadda fuq l-Independent on Sunday u fuq l-Illum. Wieħed minnhom , dak fuq l-Independent on Sunday huwa riprodott fuq dan il-blog. L-artiklu tiegħu hu intitolat ‘C’ is for Cacopardo, not for collegiality ………
Fl-artikli tiegħi jiena ġbidt l-attenzjoni li l-Professur Alan Deidun għandu konflitt ta’ interess meta filwaqt li huwa membru tal-Bord tal-ERA, r-regolatur ambjentali, fl-istess ħin kien involut fit-tfassil ta’ wieħed mir-rapporti tekniċi li jiffurmaw l-EIA dwar il-propost inċineratur fil-Magħtab.
It-tweġiba tiegħu dehret illum fl-Independent on Sunday u ser inwieġbu fl-qosor illum. Imma għandu jisma’ iktar dettalji dwar l-EIA tal-inċineratur matul il-ġimgħa u dan billi nhar l-Erbgħa li ġej 21 t’Ottubru jagħlaq il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-EIA fuq il-proposta ta’ żvilupp ta’ inċineratur. Sadakinnhar ser nippreżenta bil-miktub lill-ERA, bħala parti minn dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika numru ta’ osservazzjonijiet dwar l-istess EIA, inkluż dwar l-istess Professur Alan Deidun.
Ser nillimita ruħi għall-argumenti u għalissa ser ninjora l-insulti u l-paroli vojt tal-Professur.
Deidun mhux l-uniku wieħed li waqt li jifforma parti minn awtorità regolatorja jissottometti studji għall-konsiderazzjoni tal-awtorità li jifforma parti minnha. Qablu kellna oħrajn. Din hi prattika li mhix aċċettabbli u għandha bżonn tieqaf. Ilha tiġi ikkritikata u hemm bżonn tieqaf malajr kemm jista’ jkun.
Immaterjalment minn kemm jagħmel rapporti: jekk hux wieħed jew mija ma tagħmilx differenza. Deidun u oħrajn għandhom bżonn li jifhmu illi meta taċċetta ħatra fuq awtorità regolatorja din l-aċċettazzjoni inevitabilment teffettwa l-ħidma professjonali tiegħek. L-impatt, in parti jiddependi mill-integrità tiegħek.
Tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li fil-każ ta’ Manoel Island riċentement, f’Ġunju 2020, ġie annullat permess ta’ żvilupp minħabba li wieħed minn dawk involuti fit-tfassil tal-EIA kellu konflitt ta’ interess.
Fit-tweġiba tiegħu Deidun ħass li kellu jagħmel referenza għal xogħol professjonali tiegħi ma diversi Kunsilli Lokali. Konvenjentement Deidun nesa’ li jiena ma niffurma parti minn l-ebda korp regolatorju u għaldaqstant il-ħidma professjonali tiegħi mhiex limitata bħal tiegħu.
Fl-aħħarnett Deidun jgħid li ma jmissnix ikkritikajtu għax hu ambjentalist bħali. Jibqa’ l-fatt li Deidun mexa fuq il-passi ta’ dawk li mxew ħażin. Mingħajr ma nnaqqaslu l-mertu dwar fejn ħadem tajjeb, daqstant ieħor jixraqlu l-kritika iebsa, limitata fuq dan il-kaz.
Sfortunatament l-attitudni tal-Professur Deidun, u ta’ oħrajn li aġixxew bħalu, tagħmel ħsara kbira lill-istituzzjonijiet regolatorji. Jekk iwarrab jew jitwarrab minn fuq il-Bord tal-ERA, aħjar għal kulħadd.