Qed tinħema oxxenità oħra fi Triq Wied l-Infern Iż-Żebbuġ Għawdex: applikazzjoni PA6868/20

Għadu kif kitibli żagħżugħ Għawdxi li ġibditli l-attenzjoni għal applikazzjoni ta’ żvilupp, friska, friska (PA6868/20), fil-Wied taż-Żebbuġ Għawdex, fi trieqtek lejn Marsalforn. It-triq jisimha Triq Wied l-Infern u tagħti għal Triq il-Qbajjar Marsalforn.

Ir-ritratt juri l-inħawi kif jidher fuq Google.

Quddiem xi kmamar ta’ kostruzzjoni qadima (ħnejjiet, xorok, kilep, travi tal-injam …….) il-pjanti juru li hemm indikazzjoni ta’ oqbra feniċi u punici ukoll.

Mela din l-applikazzjoni ODZ fil-Wied mhux biss ser tagħmel il-ħsara f’wieħed mill-widien li għadu mhux daqstant mittiefes imma hemm ċans ukoll tagħmel ħsara lill-wirt arkeoloġiku.

Iż-żmien għall-oġġezzjonijiet jibda nhar il-21 t’Ottubru u jagħlaq nhar l-20 ta’ Novembru.

Min jixtieq l-għajnuna biex joggezzjona jibgħatli messaġġ fuq carmel.cacopardo@alternattiva.org.mt.