Is-sovranità tagħna mhiex għall-bejgħ

Hawn sinjali u indikazzjonijiet konfliġġenti dwar x’inhu għaddej bejn Malta u l-Istati Uniti tal-Amerika fuq negozjati dwar kundizzjonijiet li jirregolaw il-presenza ta’ militari Amerikani fuq teritorju Malti. Dak li hu magħruf bħala  Status of Forces Agreement (SOFA). Il-presenza f’Malta tas-Segretarju tad-Difiża Amerikan  Mark Esper iktar kmieni din il-ġimgħa jindika mhux biss li t-taħdidiet huma għaddejjin, imma fuq kollox li huma fi stadju kritiku. Uffiċjalment ħadd ma jaf iktar minn hekk, ħlief dawk li għandhom idejhom fil-borma!

Billi hemm skiet kważi perfett – silenzju stampa – dwar il-materja, hu naturali li bħalissa għaddejja ħafna spekulazzjoni dwar dak li għaddej.

L-Istati Uniti ilha s-snin turi xewqa għal ftehim SOFA mal-Gvern Malti, imma kull Gvern repetutament qagħad lura. L-indikazzjonijiet illum huma  il-possibiltà ta’ insistenza Amerikana għal rabta  bejn ftehim u l-proċess tal- Moneyval dwar l-osservanza ta’ standards internazzjonali li jirregolaw il-ħasil tal-flus.

Kemm ir-rappreżentanti tal-Gvern Malti kif ukoll dawk tal-Gvern Amerikan jiċħdu li hemm din ir-rabta. Imma fin-nuqqas ta’ informazzjoni iktar konkreta nistgħu nkunu nafu biss matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Jekk il-Gvernijiet humiex ser iħokku dahar xulxin ikun magħruf diplomatikament, kif jiġri ħafna drabi bejn l-istati  fil-maniġġi internazzjinali globali, kontinwament.

Fil-politika internazzjonali m’hemmx ħbieb, hemm biss interessi. Ir-relazzjonijiet diplomatiċi kontinwament ifittxu l-aħjar mod kif jaġevolaw dawn l-interessi. L-Istati Uniti tal-Amerika qed tfittex u tħares l-interessi tagħha meta tipprova issib mod kif tasal għal ftehim SOFA li jirregola l-presenza ta’ militari Amerikani fuq teritorju Malti. Din hi l-politika internazzjonali.  

Hu magħruf li Malta tablet l-assistenza tal-Istati Uniti biex tegħleb il-pressjoni internazzjonali dwar il-proċess tal-Moneyval li jirregola jekk il-pajjiż huwiex qiegħed miexi sewwa dwar il-ħasil tal-flus fuq territorju Malti.

Id-diċeriji jindikaw li l-Istati Uniti lesta tgħin, imma għal din l-għajnuna hemm prezz: il-ftehim li ilhom jixtiequ. Din hi opportunità li mhux la kemm terġa’ titfaċċa. Kif nafu: ħadd ma jagħmel xejn għal xejn.

Ftehim SOFA jistabilixxi l-qafas li fih il-militar Amerikan jopera f’pajjiżi barranin. Ftehim ta’ din ix-xorta jistabilixxi jekk u kif il-liġijiet ta’ Malta japplikawx għall-militar Amerikan u għall-ħidma tagħhom, inkluż kull apparat (inkluż il-flotta navali) li jistgħu jġibu magħhom. Ftehim ta’ din ix-xorta meta jkun negozjat – jista’ jwassal għal konċessjonijiet u eċċezzjonijiet b’mod li mhux il-liġi Maltija kollha tkun tapplika għall-mistednin tal-Gvern ta’ Robert Abela.

Dan kollu jwassal għal mistoqsija bażika: il-Gvern Malti qed jikkunsidra proposta tal-Istati Uniti li jkun hawn il-militar Amerikan jopera minn teritorju Malti?  Ma għandi l-ebda dubju li ftit huma l-Maltin li jaqblu ma proposta bħal din, jekk teżisti. 

Tul is-snin fil-pajjiż żviluppa kunsens nazzjonali li m’hawnx post għall-militar ta’ pajjiżi barranin fuq artna.  

Nistgħu allura naslu għall-konklużjoni li l-Gvern Malti qed ikun rikattat: Ftehim SOFA jekk trid l-għajnuna dwar il-proċess Moneyval? Sfortunatament ma tantx nistgħu naslu għal konklużjoni differenti.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku (li fi żmien qasir ser jingħaqdu f’partit wieħed) għamlu sejħa biex l-abbozz ta’ ftehim mal-Amerikani jkun ippubblikat immedjatament. Dan hu meħtieġ biex ikun jista’ jsir skrutinju pubbliku: dan hu obbligu demokratiku bażiku.

Nazzarda ngħid li l-idea innifisha tal-ftehim hi oggezzjonabbli fil-prinċipju u dan billi tmur kontra l-prinċipji bażiċi fil-Kostituzzjoni Maltija:  mhux aċċettabbli li jkollna l-miltar ta’ pajjiż ieħor f’artna. Anke d-dettalji tal-ftehim huma inkwetanti: dawn jistgħu jinkludu l-presenza ta’ elementi tas-Sitt Flotta Amerikana bl-elementi nuklejari tagħha, li jkun opposti bil-qawwa mis-soċjetà ċivili.

Jekk Malta, kif inhu xieraq, tirrifjuta ftehim mal-Amerikani, jibqa’ l-pendenza tal-Moneyval  li tista’ twassal għal miżuri li jkollhom impatt negattiv fuq is-settur finanzjarju f’Malta. Robert Abela xorta jibqgħalu l-obbligu li jħoll l-egħeqiedi li rabtu bihom il-predeċessur tiegħu u ta’ madwaru u dan mingħajr għajnuna Amerikana.  

L-għajnuna Amerikana għandha prezz għoli li Malta m’għandhiex tħallas. Is-sovranità tagħna mhiex għall-bejgħ.

Ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 4 t’Ottubru 2020

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s