Drittijiet Ambjentali bir-riforma kostituzzjonali

Il-Konvenzjoni Kostituzzjonali, meta tiġi, tkun opportunità unika biex ikunu ntrodotti drittijiet ambjentali fil-Kostituzzjoni. Dan jista’ u għandu jseħħ billi dawn id-drittijiet jinkitbu b’mod ċar u li ma jħallux lok għal miżinterpretazzjoni f’riforma li ilna nistennew żmien kbir.

Id-drittijiet ambjentali, għandhom ikunu ċari daqs id-drittijiet dwar il-propjetà. Għax il-Kostituzzjoni, b’mod pervers, filwaqt li tipproteġi drittijiet dwar il-propjetà, illum ma toffri l-ebda protezzjoni għal drittijiet ambjentali bħad-dritt għal arja nadifa inkella għal aċċess għal ilma nadif. L-anqas ma tipproteġi l-bijodiversità jew il-pajsaġġ jew kwalunkwe dritt ambjentali ieħor bħall-ħarsien tar-riżorsi naturali. Id-drittijiet tal-individwi huma b’xi mod protetti imma d-drittijiet tal-komunità l-anqas biss jissemmew.

Meta wieħed iqis li d-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet preżenti huma kemm kemm protetti, xejn ma hemm biex niskantaw jekk il-liġi bażika tagħna tinjora lill-ġenerazzjonijiet futuri għal kollox.

Waqt li dan kollu kien għaddej, Malta, fuq livell internazzjonali nsistiet dwar il-ħarsien ta’ qiegħ il-baħar (1967), dwar il-klima (1988) u dwar il-ġenerazzjonijiet futuri (1992). Imma minkejja dawn l-isforzi fuq livell internazzjonali, ma sar l-ebda sforz lokali biex dak li nippriedkaw barra minn xtutna nipprattikawh f’artna.  

Il-Kostituzzjoni ta’ Malta, fil-Kapitlu 2 tagħha, għanda sett ta’ linji gwida biex dawn ikunu ta’ għajnuna lill-Gvern billi b’mod ġenerali jindikaw it-triq li jeħtieġ li jimxi fuqha.  Wieħed minn dawn il-prinċipji gwida huwa dwar il-ħarsien ambjentali. Dan tfassal oriġinalment fl-1964 u ġie emendat riċentement.  

Wara din il-lista ta’ linji gwida, fl-aħħar tagħhom, il-Kostituzzjoni tgħidilna li ma tistax tmur il-Qorti biex tinfurzhom!

Dan il-kapitlu tal-Kostituzzjoni huwa mfassal fuq dak li hemm fil-Kostituzzjoni tal-Irlanda u tal-Indja. Kif jispjega Tonio Borg fil-kummentarju tiegħu dwar il-kostituzzjoni ta’ Malta, l-Qorti Suprema Indjana minkejja kollox, imma, interpretat il-linji gwida fil-Kostituzzjoni Indjana bħala l-kuxjenza tal-kostituzzjoni : linja gwida tabilħaqq.  Għax x’jiswa’ li toqgħod tipprietka u tħambaq dwar il-prinċipji bażiċi u l-linji gwida jekk imbagħad iżżomhom milli jkunu infurzati?

Sfortunatament, din l-istess attitudni kienet addottata meta tfasslet leġislazzjoni dwar l-ippjanar għall-użu tal-art u dwar l-ambjent. Anke hawn wara ħafna dikjarazzjonijiet ta’ prinċipji nsibu li dwar dawn ukoll ma tistax tmur il-Qorti biex tinfurzhom.

Fis-sottomissjonijiet tagħha lill Konvenzjoni Kostituzzjonali, Alternattiva Demokratika,  ipproponiet li dan il-kapitlu fil-kostituzzjoni għandu jkun revedut b’mod li jkun assigurat li l-Gvern dejjem jimxi mal-linji gwida kostituzzjonali.   

F’pajjiżi oħra, s-soċjetà ċivili, meta meħtieġ, tieħu azzjoni legali kontra l-Gvern biex tassigura li dan jerfa’ r-responsabbiltajiet ambjentali tiegħu f’kull ħin.

Għandi f’moħħi żewġ eżempji partikolari.

L-ewwel wieħed hu dwar azzjoni legali fir-Renju Unit mill-għaqda ambjentali  Client Earth dwar il-mod kajman li bih il-Gvern Ingliż mexa fil-konfront ta’ strateġija nazzjonali dwar il-kwalità tal-arja. Il-materja spiċċat quddiem il-Qorti Suprema li f’deċiżjoni ta’ struzzjonijiet lill-Gvern dwar iż-żmien sa meta għandha tkun lesta din l-istrateġija.   

It-tieni eżempju qiegħed l-Olanda u jikkonċerna t-tibdil fil-klima u l-grupp ambjentali  Urgenda li mar il-Qorti biex iġiegħel lil Gvern jistabilixxi miri raġjonevoli dwar emissjonijiet li għandhom impatt fuq il-bidla fil-klima.

F’dawn l-eżempji, u probabbilment f’bosta oħrajn, l-azzjoni tal-Gvern kienet ferm inferjuri għall-aspettattivi tas-soċjetà ċivili. Ikun tajjeb li l-kostituzzjoni tipprovdina bl-għodda biex kull meta l-Gvern jonqos milli jimxi mal-miri kostituzzjonali ikun possibli li nippruvaw inġibuh f’sensieh.

Sal-lum niddependu mill-Kummissjoni Ewropeja bit-tama li meta jkun meħtieġ din tieħu passi. Nistqarr li f’materji ambjentali, bosta drabi tiddisappuntana u ma tagħmilx dak li nistennew minn għandha.

Il-konvenzjoni Kostituzzjonali sal-lum, tista’ tkun l-unika forum fejn dan id-difett kostituzzjonali jkun possibli li nikkoreġuh. Għax hu l-waqt li d-drittijiet ambjentali jsiru parti integrali mill-kostituzzjoni.

Ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 6 ta’ Settembru 2020