Kontradizzjonijiet

Jekk wieħed joqgħod biss fuq dak li jgħidu dawk li jitkellmu f’isem il-Gvern, malajr jasal għal konklużjoni żbaljata li qatt ma kellna Gvern favur l-ambjent daqs dan tal-lum. Sfortunatament l-affarijiet huma ferm differenti minn hekk!

Iktar kmieni din il-ġimgħa ġie fi tmiemu l-perjodu ta’ sitt ġimgħat konsultazzjoni dwar l-iskop tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Biodiversità u l-Pjan t’Azzjoni dwarha li għandu jwassal sal-2030. Għal xi raġuni li s’issa għad mhiex magħrufa l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), għal dawn l-aħħar snin qed tikkonċentra l-konsultazzjonijiet importanti għax-xhur tas-sajf (b’mod partikolari tul Awwissu) meta hu magħrufa li n-nies tieħu l-vaganzi u allura tistrieħ!

L-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Biodiversità u l-Pjan t’Azzjoni assoċjat magħha, bla dubju, meta jkun konkluż ser ifittex li jħares il-kapital naturali tal-pajjiż fit-totalità tiegħu.  

Imma iktar kmieni din il-ġimgħa, Clint Camilleri, l-Ministru għall-Kaċċa u l-Insib, ħabbar li l-Gvern, għal darb’oħra, ser jerġa’  jipprova jissabotaġġa l-implementazzjoni tal-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Għasafar billi jipprova jisfrutta xi partijiet minnha!   Il-konsulenti tal-Gvern qed jippruvaw jagħmlu użu minn dik il-parti tad-Direttiva tal-Għasafar li tipprovdi dwar l-istudji xjentifiċi: din tippermetti  l-qbid ta’ numru żgħir ta’ għasafar ħajjin. Dan kollu, fil-fehma tal-Gvern u l-konsulenti tiegħu, jista’ jiġġustifika xi forma ta’ nsib!

Jidher li għadhom ma fehmu xejn: id-Direttiva tal-Għasafar tal-Unjoni Ewropea hi għodda Ewropeja dwar il-ħarsien tal-biodiversità u mhux strument biex jiġġustifika l-kaċċa jew l-insib!

Il-Prim Ministru Robert Abela, il-ġimgħa li għaddiet, waqt li kien qed jindirizza l-Kamra tal-Kummerċ ħabbar viżjoni msejsa fuq ħames punti. Wieħed minn dawn il-punti, li fl-aħħar induna bih, hu l-ħtieġa li naddottaw bħala mira li nilħqu n-newtralità fl-emissjonijiet tal-karbonju. Mira tajba, kieku dak li qed jgħid hu veru!

Dan hu każ ieħor fejn għal darb’ oħra, l-Gvern, ambjentalment qed juri wiċċ b’ieħor, kif wara kollox issa ilna li drajna!  Il-Gvern ilu s-snin iberbaq il-miljuni tal-euro fi żvilupp ta’ infrastruttura ta’ toroq li mhiex meħtieġa: l-iskop uniku hu li jirrinforza d-dipendenza fuq il-karozzi privati għax minnhom jiddipendi ammonti kbar tad-dħul tal-Gvern: minn taxxi fuq petrol u diesel sa taxxi u liċenzji assoċjati mal-karozzi.

Il-Gvern ikkummissjona studji, strateġiji u Pjani Nazzjonali u meta waslu għandu qalibhom ta’ taħt fuq.  Id-dikjarazzjoni ta’ Robert Abela favur viżjoni bil-mira ta’ newtralità fl-emissjonijiet tal-karbonju hija f’kontradizzjoni mal-infieq massiċċ tal-Gvern fuq infrastruttura tat-toroq li mhix meħtieġa.  Il-Gvern ta’ Abela, bħal dawk ta’ qablu (ħomor u blu), jaħseb li l-problemi jistgħu jissolvew billi jkunu  bbumbardjati bil-miljuni tal-euro. Il-flus ċertament dejjem ikunu ta’ għajnuna, imma jeħtieġ li jintużaw tajjeb u mhux jitberbqu kif qed iseħħ presentement.

L-ispazju li għandi hu limitat u allura ma nistax nispjega mill-ġdid il-proposti kollha li Alternattiva Demokratika għamlet dwar dan kollu tul is-snin: proposti Ii jiswew farka mill-miljuni li l-Gvern qiegħed iberbaq.  

Ikun biżżejjed li niftakru li l-Pjan Nazzjonali dwar it-Trasport jispjega illi 50 fil-mija tal-vjaġġi li nagħmlu bil-karozzi privati fil-gżejjer Maltin għandhom tul li ma jaqbizx il-ħmistax-il minuta. Dan juri b’mod mill-iktar ċar  mobilità primarjament ta’ natura lokali u reġjonali!  Għal dan la hemm bżonn ta’ flyovers u l-anqas ta’ mini imma qafas biex fih jitħaddem transport lokali u reġjonali.  Huma inizjattivi ta’ din ix-xorta li jnaqqsu l-karozzi mit-toroq li jgħinuna fit-triq diffiċli lejn n-newtralità fl-emissjonijiet tal-karbonju!

Għaddew madwar tlett snin minn meta l-predeċessur ta’ Robert Abela ħa proposta mill-Manifest Elettorali ta’ Alternattiva Demokratika dwar il-ħtieġa li nistabilixxu data li minnha lil hemm ma jinbiegħux karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel u dan flimkien ma proposti oħra dwar l-elettrifikazzjoni tat-trasport fit-toroq tagħna. Imma l-istudji mwegħda ma jidhrux b’nemes!

Il-kontradizzjonijiet fil-politika ambjentali tal-Partit Laburista jimxu fuq l-eżempju tal-predeċessuri tagħhom fil-Gvern li waqt li kienu jokorbu biex nipproteġu l-ilma fasslu proġett biex l-ilma tax-xita jispiċċa kważi kollu l-baħar. Proġett li spiċċa biex mal-ilma tax-xita, rema’ l-baħar, miljuni ta’ euro f’fondi Ewropej!

Il-paroli tal-Labour u tal-PN dwar l-ambjent qatt ma solva xejn. Għax dejjem jgħidu ħaġa u jagħmlu oħra.

Ippubblikat fuq Illum: Il-Ħadd 23 t’Awwissu 2020

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s