Wara l-gwerra ċivili fil-PN

Għad m’hemm l-ebda ħjiel tat-tmiem tal-gwerra ċivili fil-PN. Din qed tagħmel ħafna ħsara, mhux biss lill-PN: fl-aħħar minn l-aħħar qed tagħmel il-ħsara lill-pajjiż kollu.

Kull wieħed miż-żewġ darbiet fejn ġie espress vot ta’ sfiduċja fil-Kap tal-PN Adrian Delia iwassal messaġġ politiku ċar li s’issa l-Kap tal-Opposizzjoni għad ma fehem xejn minnu. Meta Delia stqarr li l-vot ta’ sfuduċja espress mill-grupp parlamentari Nazzjonalista u iktar tard mill-Kumitat Eżekuttiv tal-PN ma kellhom l-ebda sinifikat partikolari, kien qed jesponi l-miżerja ta’ kredenzjali demokratiċi tiegħu kif ukoll kien qed jirrifletti l-immaturità politika tiegħu. Dan fl-aħħar m’għandux biss rifless fuq il-kredibilità ta’ Adrian Delia imma ukoll fuq dik tal-PN innifsu.

Il-gwerra ċivili fil-PN qed tisraq l-attenzjoni li presentement jixraq li tkun fuq materji oħra ta’ importanza kbira.  L-irkupru mill-impatti sostanzjali tal-pandemija  Covid-19 u t-tisħiħ tal-kapaċità ta’ Malta kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus jeħtieġu ferm iktar attenzjoni u enerġija. Mhux biss mill-Gvern, imma anke mill-Opposizzjoni.

Jeħtieġ li niddiskutu fid-dettall pjan ta’ rkupru mill-pandemija Covid-19 li jinfirex fuq l-oqsma kollha effettwati: pjan li għandu jkun wieħed integrat ma’ strateġija li tindirizza t-tibdil fil-klima u dan fil-qafas tal-konklużjonijiet tas-summit ta’ Pariġi.  Alternattiva Demokratika diġà tat il-kontribut tagħha xi ġimgħat ilu permezz tal-pubblikazzjoni tar-rapport: Pjan Aħdar: Ġust u Sostenibbli.

Studju riċenti ta’ Deloitte li kien ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Restoranti (MHRA) jindika li l-industrija tat-turiżmu bdiet ġejja f’sensiha. Qed tirrealizza li l-irkupru mhux biss seħħ bil-mod, iżda bil-mod ħafna: iktar kajman milli qatt antiċipaw.   L-Air Malta irrevediet il-pjan kummerċjali tagħha u issa qed tantiċipa li teħtieġ madwar seba’ snin biex tkun f’posizzjoni li terġa’ tibda iġġorr l-istess numru ta’ passiġġiera li kienet iġġor qabel ma faqqgħet il-pandemija.  Dan kollu jwassal għal osservazzjoni waħda – evitata minn bosta – dwar kemm l-aspettattivi tal-industrija tat-turiżmu dwar l-irkupru tal-industrija mhumiex realistiċi.

Ikun ferm aħjar kieku napprofittaw ruħna mis-sitwazzjoni u nippjanaw aħjar biex l-industrija tat-turiżmu tissaħħaħ billi ma tibqax tiffoka fuq in-numri imma fuq il-kwalità tat-turist. Pjan ta’ din ix-xorta, bla dubju, jkun jista’ jindirizza l-impatti ambjentali negattivi sostanzjali tal-industrija b’mod effettiv. Il-Ministru tat-Turiżmu  Julia Portelli-Farrugia ma tantx tidher li taqbel ma dan, għax il-ħin kollu tredden bin-numri.

Il-Moneyval hu Kumitat tal-Kunsill ta’ l-Ewropa  magħmul minn esperti li jevalwaw miżuri kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.  Hu grupp ta’ monitoraġġ permanenti bl-inkarigu li jara li l-istati membri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa qed jieħdu l-miżuri meħtieġa u maqbula fuq livell internazzjonali.

Fl-aħħar rapport dwar Malta ippubblikat fl-2019 il-Moneyval, tagħmel 40 rakkomandazzjoni spjegati f’ 233 paġna. Rakkomandazzjonijiet dwar x’inhu meħtieġ li jsir.  Ir-riskji għal Malta huma ċari: għandna ekonomija li hi vulnerabbli ħafna primarjament minħabba d-daqs tagħha kif ukoll minħabba l-fatt li hi esposta ħafna għal dak kollu li jiġri barra minn xtutna.   Ir-rapport tal-Moneyval jemfasizza li r-remote gaming, per eżempju hu vulnerabbli ħafna għall-ħasil tal-flus u dan “due to the high number of customers, mainly non-resident, the high volume of transactions, the non-face-to-face nature of the business and the use of prepaid cards.”

Mhux biżżejjed li għandna liġijiet li huma ġeneralment liġijiet tajbin. Hemm ħtieġa qawwija ta’ riżorsi għax mingħajr r-riżorsi ma tista’ timplimenta xejn. Ix-xhieda riċenti tal-Assistant Kummissarju tal-Pulizija  Ian Abdilla fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’  Daphne Caruana Galizia, ftit jiem wara li tneħħa mit-tmexxija tat-taqsima tar-reati ekonomiċi, jindika n-nuqqas ta’ impenn biex il-ħafna dikjarazzjonijiet li jsiru kontra l-ħasil tal-flus ikunu implimentati. Sfortunatament id-dikjarazzjonijiet u l-assigurazzjonijiet repetuti tal-Gvern mhumiex kredibbli.

Mhux aħjar l-Opposizzjoni tuża’ l-ħin tagħha dwar dan? Iktar ma jikkonkludu l-glied intern malajr, aħjar għal kulħadd. Hemm ħafna x’isir wara li  Adrian Delia jiġi f’sensieh u jaċċetta l-inevitabbli.

 

Ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 19 ta’ Lulju 2020

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s