Il-bluff ta’ Yorgen

Kemm hu minnu li Yorgen Fenech kien jaf bid-data tal-elezzjoni ġenerali bikrija li Joseph Muscat sejjaħ f’Ġunju 2017 sa minn Diċembru 2016? Din mhiex informazzjoni li għandha naċċettaw mingħajr ma ngħarbluha. Hu faċli, wara li l-fatti jkunu seħħew, li tagħmel dikjarazzjonijiet ta’ din ix-xorta.

Din id-dikjarazzjoni ta’ Yorgen Fenech dwar li kien jaf bid-data tal-elezzjoni bikrija saret waqt l-interrogazzjoni tiegħu u saret pubblika mill-Ispettur Kurt Zahra iktar kmieni din il-ġimgħa fil-Qorti. Milli ntqal mhux ċar kemm Zahra ta importanza lil din l-informazzjoni kif ukoll jekk din kienitx korraborata.

Dan il-bluff ta’ Yorgen, fil-fehma tiegħi, għandu skop wieħed u preċiż: li jsaħħaħ l-argument u “joħloq” il-provi li mhux hu kien il-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Li toqgħod tilgħab b’din l-informazzjoni hu ħafna agħar milli ixxerred il-gideb. Forsi Jason l-avukat jirrealizza dan u jiġbed widnejn Jason il-Membru Parlamentari.

Dan il-bluff ta’ Yorgen jinkwadra f’dak li jaħsbu uħud: li Kastilja kienet involuta fl-ippjanar tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Imma dan hu f’kunflitt ma’ informazzjoni oħra li kisbet l-investigazzjoni permezz tar-recordings ta’ Melvin Theuma: meta Yorgen Fenech, iffaċċjat b’elezzjoni ġenerali bikrija fil-bidu ta’ Mejju 2017 ta’ struzzjonijiet biex l-assassinju jkun sospiż. Sfortunatament uħud għandhom memorja qasira ħafna: illum jinsew dak li jkunu saru jafu fil-ġranet li għaddew!

Minkejja dan, naħseb li għadu kmieni biex naslu għal konklużjonijiet dwar min hu involut, apparti dawk li diġa qed iwieġbu għal għemilhom quddiem il-Qrati. Hu ovvju li Joseph Muscat ser jiċħad bil-qawwa kollha anke l-iktar konnessjoni remota mal-assassinju. M’għandniex nimpressjonaw ruħna għax f’dan l-istadju għadu kmieni u hu prudenti li ma neskludu xejn.

Yorgen kontinwament jitfa biċċiet żgħar ta’ informazzjoni biex iċaqlaq l-attenzjoni għal fuq ħaddieħor. Din il-ġimgħa kompla permezz tax-xhieda ta’ Keith Schembri. Schembri informa lill-Qorti kif sieħbu Yorgen ġieli qallu bil-krib ta’ Adrian Delia tal-PN biex jiffinanzjhom. Ma qal xejn imma dwar kemm ħareġ flus għall-Labour, apparti l-inbid Petrus lil Joseph, għax dak donnu hu ovvju u mistenni li fejn jidħol il-Labour idaħħal idu fil-but. Għaliex le, sakemm ikun fil-limiti ta’ dak permissibli?

Huwa u jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ispettur Keith Arnaud, Keith Schembri rrakkonta dak li qallu sieħbu Yorgen dwar kemm dejqu l-Kap tal-Opposizzjoni Adrian Delia għall-fondi. Il-flus, qal Schembri lill-Qorti, kien jiġborhom Pierre Portelli, sieħeb Delia, €20,000 kull darba. Kif kien mistenni kemm Delia kif ukoll Portelli b’mod immedjat u kategoriku ċaħdu dan kollu. Delia żied jiċħad li qatt talab finanzjament biex jipprova jixkana l-barra lil David Casa mis-siġġu fil-Parlament Ewropew. Dawn, imma, huma allegazzjonijiet li diġa konna smajnihom minn bnadi oħra.

Din hi informazzjoni li hi minnha jew inkellha hi informazzjoni żbaljata li d-duo Keith-Yorgen qed jisqu lill-inkjesta? Dan l-aħħar l-iskwadra tal-Pulizija dwar ir-reati ekonomiċi bħal donnha qamet mir-raqda u bdiet tinvestiga dan l-allegat finanzjament ta’ Delia minn Yorgen. Hu possibli li jkollna konklużjoni dwar x’daħal fis-sasla ta’ Delia malajr u dan minħabba li l-iskwadra dwar ir-reati ekonomiċi issa jidher li ser ikollha x’tagħmel għax ser teżamina xi rapporti li ħalliet jiġbru t-trab fil-passat qrib. Jista’ jkunu okkupati ftit fit-tul b’Konrad Mizzi li tul dan l-aħħar għalqu ftit għajnejhom mhux ħażin dwar dak li qed jingħad li għamel u ħawwad.

Konrad issa tkeċċa mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista wara li hu irrifjuta t-talba ta’ Robert Abela biex jirreżenja.

Din ma kienitx l-ewwel darba li fil-Partit Laburista kellhom diskussjoni taħraq dwar Konrad Mizzi. Imma din id-darba ma kienx hemm Joseph Muscat jiddefendieh.

Erba’ snin ilu Joseph Muscat kien irrifjuta li jkeċċi lil Konrad meta kien irriżulta li Konrad kien l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropeja li ssemma fil-Panama Papers. Minn dakinnhar l-iskandli assoċjati miegħu żdiedu biex issa hemm ukoll il-kaz tal-kummissjonijiet li tħallsu fuq it-tanker tal-gass li hemm Delimara, kif ukoll l-istejjer dwar il-kumpanija 17-Black. L-aħħar storja hi dwar l-imtieħen tar-riħ fil-Montenegro li bħala riżultat tagħha is-17-Black selħet madwar €5 miljuni profitti minn fuq dahar l-Enemalta, li għaliha kellu responsabbiltà politika Konrad Mizzi għal żmien twil.

B’dan it-tip ta’ transazzjonijiet il-kumpanija ta’ Yorgen Fenech 17-Black faċilment tilħaq il-miri tagħha biex tkun tista’ titrasferixxi €5000 kuljum fil-kumpaniji li n-Nexia BT waqqfet fil-Panama f’Marzu 2013.

Edward Scicluna, Ministru tal-Finanzi, qalilna li l-Gvern ma għandu l-ebda ħtija għal dan il-ħmieġ. Għandu żball: dawk kollha involuti ngħataw vot ta’ fiduċja wieħed wara l-ieħor. It-tort hu kollu kemm hu tal-Gvern!

Ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 28 ta’ Ġunju 2020

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s